Prattikanti Maltin tal-arti performattiva kellhom l-opportunità jippreżentaw il-proġetti tagħhom lil professjonisti internazzjonali waqt avveniment ta’ pitching li sar f’Edinburgh, fl-Iskozja, fil-qafas tal-Fringe Festival.
L-attività kienet parti minn programm ta’ żvilupp professjonali ta’ 18-il xahar tal-Kunsill Malti għall-Arti, immirat biex iħejji artisti u prattikanti Maltin għall-opportunitajiet ta’ touring internazzjonali.
Waqt iż-żjara tagħhom f’Edinburgh, il-parteċipanti setgħu japplikaw l-għarfien u l-ħiliet li żviluppaw matul ix-xhur ta’ mentoring u taħriġ, filwaqt li daħlu f’kuntatt dirett ma’ produtturi u professjonisti oħrajn li jaħdmu fis-settur internazzjonali tal-arti performattiva.
Qabel il-pitch, il-prattikanti Maltin attendew ukoll sessjonijiet u laqgħat iffukati fuq l-iżvilupp tal-proġetti tagħhom, mill-istadju inizjali tal-idea u l-pitching sal-produzzjoni u l-possibbiltajiet ta’ preżentazzjoni barra minn Malta.
Il-parteċipanti kellhom ukoll l-opportunità jaraw produzzjoni Maltija li kienet diġà qed tiġi ppreżentata waqt il-Fringe Festival, The Trials of Magnus Coffinkey. Il-preżenza ta’ din il-produzzjoni f’Edinburgh tat eżempju konkret tal-possibbiltajiet li għandhom l-artisti Maltin biex jilħqu udjenzi internazzjonali.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, qal li l-preżenza tal-artisti Maltin f’Edinburgh turi l-impenn biex jinħolqu aktar opportunitajiet internazzjonali għall-komunità kreattiva Maltija. Huwa sostna li d-daqs ta’ Malta m’għandux ikun limitu għall-aspirazzjonijiet tal-artisti u li investiment kontinwu fl-iżvilupp professjonali jista’ jgħin biex aktar karrieri artistiċi Maltin jinfetħu għal udjenzi u swieq internazzjonali.
Il-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li l-pitch f’Edinburgh huwa parti minn proċess itwal ta’ preparazzjoni. Huwa spjega li l-għan tal-programm huwa li l-artisti mhux biss ikunu kapaċi jippreżentaw ix-xogħol tagħhom barra minn Malta, iżda wkoll jifhmu aħjar kif jaħdem is-settur internazzjonali u jibnu relazzjonijiet ma’ professjonisti li jistgħu jwasslu għal opportunitajiet futuri.
Il-Kap tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali fil-Kunsill Malti għall-Arti, Annabelle Stivala, spjegat li l-programm beda f’Marzu u kien immirat biex jgħin lill-artisti jieħdu l-proġetti tagħhom lejn udjenzi internazzjonali. Hija qalet li 19-il artist qegħdin jieħdu sehem fil-programm u li l-esperjenza f’Edinburgh qed tagħtihom l-opportunità jiltaqgħu ma’ persuni ewlenin fl-industrija u jiksbu għarfien li jista’ jkun ta’ valur fl-iżvilupp tal-karrieri tagħhom.
It-tħejjija għall-programm kienet tinkludi workshops, masterclasses, sessjonijiet prattiċi, skambju ta’ għarfien u taħriġ iffukat fuq it-touring internazzjonali, fosthom kif jiġu żviluppati u ppreżentati proġetti b’mod effettiv u kif jinbnew il-ħiliet u l-kunfidenza meħtieġa biex wieħed jagħmel pitching quddiem professjonisti tas-settur.
L-inizjattiva oriġinarjament attirat 30 applikazzjoni, li minnhom 19-il proġett għaddew għall-proċess ta’ mentoring u taħriġ. Il-programm jagħmel parti mill-ħidma tal-Kunsill Malti għall-Arti favur l-internazzjonalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Maltin, kif ukoll mill-investiment fit-tul fit-tisħiħ tal-kapaċità professjonali, il-mobbiltà u n-networks internazzjonali tal-artisti Maltin.
Għal aktar informazzjoni, żur il-websajt tal-Kunsill Malti għall-Arti: https://artscouncilmalta.gov.mt.
Ritratti: MACH











