€12.8 miljun f’investiment dirett fil-komunitajiet madwar Malta permezz ta’ ftehim ġdid bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsilli Lokali kollha.
Dan l-investiment, mifrux fuq sentejn, se jippermetti li jitwettqu aktar proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet konkreti tal-lokalitajiet tagħna, fosthom xogħlijiet ta’ manutenzjoni, titjib fl-aċċessibbiltà, spazji pubbliċi u interventi oħra li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Permezz tal-ftehim il-ġdid, l-allokazzjoni se tiżdied minn €10 miljun għal €12.8 miljun, biex il-Kunsilli Lokali jkollhom aktar riżorsi biex jidentifikaw u jwettqu l-proġetti li l-komunitajiet tagħhom verament jeħtieġu. Din iż-żieda hija wkoll waħda mill-wegħdiet elettorali tal-Gvern li twettqu fl-ewwel mitt jum.
Il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi, filwaqt li jirrispetta l-awtonomija tal-kunsilli biex huma stess jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-lokalitajiet tagħhom.
Matul l-aħħar sentejn, permezz tal-ftehim preċedenti, twettqu 123 proġett infrastrutturali f’lokalitajiet differenti madwar Malta.
Il-fondi l-ġodda se jkomplu jgħinu biex il-prijoritajiet tal-komunitajiet jinbidlu fi proġetti konkreti, b’enfasi fuq infrastruttura aħjar, spazji pubbliċi aktar siguri u aċċessibbli, u titjib li jħalli impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum.
Fost l-oqsma li se jkomplu jibbenefikaw hemm ukoll it-titjib tal-bankini madwar Malta, b’aktar attenzjoni lejn l-aċċessibbiltà u l-mobbiltà.
Investiment bħal dan huwa importanti għaliex jagħti lill-Kunsilli Lokali l-għodda biex iwettqu proġetti li jkunu verament marbuta mal-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-komunitajiet tagħna minn lokalità għal oħra.
Ritratti: MLGP












