Fl-okkażjoni tat-300 anniversarju tal-wasla fost in-Naxxarin tal-istatwa titulari ta’ Marija Bambina, il-Kolleġġjata tan-Naxxar se tkun qed torganizza programm speċjali fil-pjazza, li fih se jieħdu sehem ukoll iż-żewġ baned tal-lokal, il-Banda Peace u l-Banda Vittorja.
L-Arċipriet, il-Kanonku Dun David Gauci, ħabbar il-programm li se jibda fis-6:30 ta’ filgħaxija b’quddiesa kantata u bl-omelija.
Fis-7:00 p.m. jibda marċ miż-żewġ baned, li se jitilqu minn ħdejn il-knisja filjali ta’ San Ġwann il-Battista. Hekk kif jaslu fil-viċinanza tal-knejjes filjali ta’ Santa Luċija u tal-Vittorja, l-Arċipriet, akkumpanjat miż-żewġ presidenti tal-baned, se jwassal il-warda tad-deheb li ġiet imbierka mill-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun.
Il-warda mbagħad titwassal fuq iz-zuntier tal-Kolleġġjata, fejn se jibda programm ta’ talb, tifħir u kant iddedikat lil Marija Bambina, bħala parti mill-kommemorazzjoni ta’ dan l-anniversarju importanti għall-komunità Naxxarija.
Fi tmiem il-programm se ssir ukoll l-inawgurazzjoni ta’ mafkar iddedikat lit-300 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar, biex jibqa’ jfakkar dan l-anniversarju storiku u reliġjuż għall-ġenerazzjonijiet futuri.
L-Arċipriet qed iħeġġeġ lill-komunità Naxxarija u lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-festa u d-devozzjoni lejn Marija Bambina biex jieħdu sehem f’din l-okkażjoni speċjali.
Ritratt: Edward Azzopardi / Fb – Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, Naxxar.








