Tnejn u tletin proġett artistiku u teatrali se jibbenefikaw minn investiment ta’ €1.24 miljun permezz taż-żewġ skemi ta’ finanzjament tal-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, amministrati mill-Kunsill Malti għall-Arti.
Minn dawn, 23 applikant se jirċievu total ta’ €800,000 permezz tal-Iskema tal-Appoġġ għall-Arti, filwaqt li disa’ applikanti oħra se jingħataw €440,000 permezz tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Produzzjonijiet Teatrali, li ġiet introdotta għall-ewwel darba din is-sena.
Iż-żewġ skemi għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-ħolqien u l-preżentazzjoni ta’ xogħol artistiku ta’ kwalità, filwaqt li jżidu l-aċċess tal-pubbliku għal esperjenzi kulturali differenti u għal inizjattivi li jagħmlu l-arti aktar aċċessibbli.
L-Iskema tal-Appoġġ għall-Arti toffri sostenn għall-iżvilupp ta’ ideat artistiċi f’proġetti konkreti, kif ukoll għall-ħolqien u l-preżentazzjoni ta’ xogħol, l-ipprogrammar kulturali, id-dokumentazzjoni, proġetti fil-komunitajiet u inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-arti.
Min-naħa l-oħra, l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Produzzjonijiet Teatrali tiffoka b’mod partikolari fuq xogħlijiet teatrali ġodda u oriġinali, u tappoġġja l-proċess kollu, mir-riċerka u l-iżvilupp inizjali sal-produzzjoni, il-preżentazzjoni u l-involviment tal-udjenzi.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, qal li dan l-investiment jikkonferma l-importanza li l-Gvern qed jagħti lill-kultura bħala parti mill-iżvilupp tal-pajjiż.
Huwa sostna li l-kultura hija essenzjali għall-identità nazzjonali u għas-soċjetà li Malta trid tkompli tibni, u li l-investiment f’dawn it-32 proġett se jagħti lill-artisti u lill-professjonisti kulturali r-riżorsi meħtieġa biex jiżviluppaw ix-xogħol tagħhom, jilħqu udjenzi ġodda u jikkontribwixxu aktar għall-ħajja kulturali ta’ Malta.
Iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, qal li r-rispons qawwi għaż-żewġ skemi juri t-talent u l-potenzjal li jeżistu fis-setturi kulturali u kreattivi Maltin.
Huwa spjega li l-finanzjament mhux biss qed jgħin biex jitwettqu proġetti artistiċi u teatrali, iżda wkoll qed jinvesti fil-proċess kreattiv, fl-esperimentazzjoni u fil-kollaborazzjoni li jwasslu għall-ħolqien ta’ xogħol ġdid u ta’ kwalità.
Iż-żewġ skemi jagħmlu parti mill-istruttura ta’ finanzjament riveduta li l-Kunsill Malti għall-Arti introduċa fl-2026. L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Produzzjonijiet Teatrali ġiet maħluqa biex tipprovdi appoġġ aktar speċifiku għall-produzzjonijiet teatrali ġodda u oriġinali, filwaqt li l-Iskema tal-Appoġġ għall-Arti tkopri firxa usa’ ta’ attività artistika.
L-investiment huwa wkoll allinjat mal-Istrateġija 2030 tal-Kunsill Malti għall-Arti u jkompli jsaħħaħ il-potenzjal kreattiv, l-eċċellenza artistika, il-prattika professjonali sostenibbli u r-rabta bejn l-artisti, l-udjenzi u l-komunitajiet.
Għal aktar informazzjoni u biex tara r-riżultati kollha, tista’ żżur il-Kunsill Malti għall-Arti.











