Mhux il-wirt tal-istorja li ntirtet bil-fomm li bena l-ġrajja? Mhux il-wirt tar-riċetti li sawru l-aqwa ikliet li sal-lum noffru fuq l-imwejjed? Mhux il-wirt tal-omm ħabrieka Maltija u l-missier bieżel li bnew il-valur tal-familja li għożżejna tul is-snin? Mhux il-wirt tan-noti li sawwar il-mużika folkloristika tagħna? Mhux il-wirt ta’ mħabba reliġjuża li tella’ l-isbaħ knejjes li jżejnu lil din il-gżira ġojjel f’baħar kaħlan?
Iva…kollox idur mal-wirt. U aħna, li qed ngħixu f’dan iż-żmien, għad inkunu ta’ wirt għal ħaddieħor. Hekk timxi l-kultura u hekk tintiret l-istorja…hekk jissawwar il-wirt, li mingħajru la nkunu nafu min aħna u wisq aktar, ‘il fejn mexjin. U aħna għax Maltin, WIRTMALTA huwa wisq magħfus ġo sidirna viċin qalbna…Nippreżentawlkom dan is-sit; b’imħabba, b’passjoni u b’unur… għax aħna Maltin li b’wirtna kburin!