Il-familji u n-negozji li ntlaqtu minn qtugħ fit-tul tal-provvista tal-elettriku se jkunu eliġibbli għal kumpens mill-Gvern, hekk kif ġie kkonfermat li se terġa’ tiġi applikata l-iskema li kienet tħaddmet f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali simili fis-snin li għaddew.
Il-kumpens se jingħata lil dawk ir-residenzi u n-negozji li sofrew interruzzjoni fil-provvista tad-dawl għal aktar minn sitt sigħat. Din il-miżura qed tittieħed fid-dawl tal-mewġa qawwija ta’ sħana li qed taffettwa lill-pajjiż, b’temperaturi li qabżu l-40 grad Celsius għal diversi jiem konsekuttivi.
L-iskema għandha l-għan li tgħin lil dawk li ġew affettwati minn dawn l-interruzzjonijiet filwaqt li ttaffi parti mid-diffikultajiet li esperjenzaw.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-prijorità ewlenija kienet li l-provvista tal-elettriku tiġi rrestawrata kemm jista’ jkun malajr, iżda fl-istess ħin hemm il-ħtieġa li jingħata sostenn lil dawk milquta. Hija sostniet li l-Gvern se jkompli jinvesti fis-settur tal-enerġija biex tissaħħaħ aktar l-infrastruttura tal-pajjiż.
Matul il-ġimgħa li għaddiet, id-domanda għall-elettriku laħqet livell rekord ta’ 741 megawatt, ferm ogħla mir-rekord ta’ 663 megawatt irreġistrat fis-sajf tal-2023. Din iż-żieda qawwija fid-domanda poġġiet pressjoni kbira fuq in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Il-Gvern irringrazzja lill-ħaddiema tal-Enemalta li qed jaħdmu bla heda f’kundizzjonijiet diffiċli u temperaturi għoljin biex jirrestawraw il-provvista kemm jista’ jkun malajr, kif ukoll lill-pubbliku għall-paċenzja u l-koperazzjoni li wera matul dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.
Ritratt: CIPESA/Online








