Minn popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 110,000 ruħ fl-1800, hu stmat li sa 20,000 Malti mietu bejn l-1798 u l-1800 fil-ġlieda biex il-poplu jeħles mill-ħakma tal-Imperu Franċiż. Dan ifisser li mietu aktar Maltin mit-total ta’ dawk li tilfu ħajjithom fl-Assedju l-Kbir tal-1565, li kien madwar 7,000, u fit-Tieni Gwerra Dinjija bejn l-1940 u l-1942, li kien madwar 1,500.
Madwar 725 Malti nqatlu fil-ġlied dirett mal-Franċiżi, filwaqt li 49 oħra ġew xkubettjati fil-Belt Valletta wara li nqabdu jippjanaw li jiftħu wieħed mill-bibien tal-Belt biex il-Maltin li kienu qed jassedjaw lill-Franċiżi jkunu jistgħu jidħlu. Madwar 3,000 oħra mietu bil-ġuħ u l-mard fl-irħula, filwaqt li madwar 16,000 persuna oħra mietu bil-ġuħ u l-mard waqt li kienu maqbuda fl-ibliet madwar il-Port.
Waqt li l-Maltin kienu qed imutu biex jeħilsu mill-Imperu Franċiż, il-mexxejja tal-Imperu Britanniku u tal-Imperu Russu kienu qed jikkompetu bejniethom, minkejja li suppost kienu alleati, biex wieħed minnhom jieħu l-kontroll ta’ Malta u ma jħallix lill-ieħor jagħmel dan.
Fi ftit snin biss, il-Maltin raw tliet imperi: dak Franċiż, dak Britanniku u dak Russu; interessati fil-gżejjer tagħna, mhux tant għall-ġid tal-poplu Malti, iżda għall-pożizzjoni strateġika ta’ Malta biex minn hawn setgħu jikkontrollaw ir-rotot ewlenin tal-Mediterran fl-interess tagħhom.
Id-dritt li l-Maltin jiddeċiedu t-tmexxija tagħhom
Wara li tul dawk is-sentejn tant eluf ta’ Maltin batew u mietu biex il-Franċiżi jitkeċċew minn Malta, il-Maltin u l-Għawdxin ma rawx lill-Imperu Britanniku bħala qawwa li rebħithom. Huma kienu sejħu lill-Brittaniċi biex jgħinuhom, mhux biex jaħkimhom.
Għalhekk stennew li jkollhom id-dritt jiddeċiedu huma stess id-destin tal-gżejjer tagħhom, kif kienu ġew imwiegħda fil-passat, fosthom fl-1397 u fl-1428.
Għall-ewwel, ħafna Maltin u Għawdxin ħadu r-ruħ meta l-Franċiżi waslu Malta u l-Ordni tal-Kavallieri kellha tirtira mill-gżejjer. Il-poplu kien diġà mdejjaq bit-tmexxija tal-Ordni, li kienet saret dejjem aktar korrotta, b’ħafna kavallieri jgħixu fil-lussu waqt li l-Maltin u l-Għawdxin kienu jbatu fil-faqar u l-miżerja.
Iżda malajr induna li l-Franċiżi ma kinux waslu bħala liberaturi. Kienu waslu bħala imperu b’għanijiet strateġiċi u militari, u riedu jagħmlu minn Malta kolonja u bażi tagħhom fil-Mediterran. Ma kinux waslu biex jagħtu lill-Maltin u lill-Għawdxin is-sovranità u d-dritt li jmexxu lilhom infushom.
Il-poplu Malti lanqas ma ried li l-Ordni tal-Kavallieri terġa’ tingħata l-gżejjer. Ma riedhomx lura anki wara li fl-1797 l-Ordni talbet u kisbet il-protezzjoni tal-Imperu Russu permezz taż-Żar Pawlu I, li fl-1798 ġie magħżul Gran Mastru mill-kavallieri li kienu sabu kenn f’San Pietruburgu.
L-Imperu Russu u l-Imperu Ottoman, li kienu f’koalizzjoni mal-Imperu Britanniku, organizzaw flotta ta’ bastimenti tal-gwerra u ġabru eluf ta’ suldati biex jgħinu fit-tkeċċija tal-Franċiżi minn Malta. Iżda l-mexxejja Brittaniċi għamlu minn kollox biex dawn il-forzi ma jaslux Malta, għax riedu li l-gżejjer jaqgħu taħt il-kontroll tagħhom.
Il-mistieden isir il-ħakkiem
Għall-ewwel, il-Maltin raw lill-Imperu Britanniku bħala s-salvatur tagħhom. Il-Kungress Nazzjonali ta’ Malta kien talab lir-Re Ġorġ III biex jipproteġi lill-Maltin mill-Franċiżi, ikun alleat tagħhom u jħalli lill-poplu Malti jmexxi lilu nnifsu.
Iżda bit-Trattat ta’ Amiens tal-1802, wara bibien magħluqa u mingħajr ma ġew ikkonsultati l-Maltin, il-qawwiet Ewropej iddeċidew li Malta kellha tingħata lura lill-Ordni tal-Kavallieri.
Fl-istess sena, il-patrijotti Maltin fasslu Dikjarazzjoni tad-Drittijiet li fiha għamluha ċara li r-Re Britanniku ma kellu ebda dritt jiddeċiedi hu min kellu jaħkem lill-gżejjer Maltin. Huma saħansitra ddikjaraw li, jekk il-Brittaniċi riedu jirtiraw il-protezzjoni tagħhom, kienu l-Maltin u l-Maltin biss li kellhom id-dritt jiddeċiedu kif kellha titmexxa Malta.
Iżda l-Imperu Britanniku ma kellu l-ebda intenzjoni li jċedi l-gżejjer Maltin lil imperu ieħor, u lanqas li jagħti lill-poplu Malti d-dritt li jmexxi lilu nnifsu.
Kien qisu tistieden lil xi ħadd id-dar tiegħek biex jgħinek f’mument ta’ bżonn, iżda wara li jgħinek, flok jitlaq, jiddeċiedi li d-dar issir tiegħu u int issir barrani fiha.
Kien biss wara ħafna snin ta’ tbatija, ġlieda u kuraġġ li l-poplu Malti kiseb dak li kien ilu jitlob: stat indipendenti, li eventwalment sar repubblika, u li m’għadux dipendenti fuq bażijiet militari ta’ qawwiet barranin biex dawn jużaw lil Malta skont l-interessi tagħhom.
Saħħa u sliem.
Minn Evarist Bartolo
Karikaturi ta’ James Gillray (1757–1815) li juru lil Napuljun jibki t-telfa tal-gżejjer Maltin u, f’oħra, jipprova jkeċċi lill-Imperu Britanniku minn Malta permezz tad-diplomazija.








