Titnieda uffiċjalment l-ewwel edizzjoni ta’ ‘Kwareżima – Arti, Kult u Tradizzjoni’, attività ġdida li se tittella’ nhar is-Sibt 7 u l-Ħadd 8 ta’ Marzu fil-Kastell Verdala, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Għal din l-okkażjoni, il-Kastell Verdala se jinbidel f’ambjent li jfakkar fil-ġmiel u s-serjetà tar-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, bi programm varjat u rikk li jindirizza lill-familja kollha. Tul il-jumejn se jkun hemm esibizzjonijiet ta’ arti sagra, mużika u kunċerti minn korijiet, baned u mużiċisti, kif ukoll diskussjonijiet immexxija minn kittieba u esperti dwar it-tradizzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa f’Malta.
Il-Ħadd, il-programm jinkludi wkoll quddiesa fil-kappella tal-Kastell, rappreżentazzjonijiet tal-Passjoni, Mixja Bibblika, purċissjoni mit-tfal u Purċissjoni Penitenzjali li tagħti togħma tal-Purċissjoni s-Sewda li ssir fil-Birgu, bil-parteċipazzjoni tal-fratellanzi.
L-attività tnediet waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Kastell Verdala, fejn l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono spjegat li l-għan ewlieni hu li jitħares u jitħeġġeġ l-apprezzament lejn it-tradizzjonijiet Maltin, filwaqt li jinġabru fondi biex isostnu l-ħidma tal-Malta Community Chest Fund.
L-organizzatur Brian Bonnici qal li din l-inizjattiva ġabret flimkien numru ta’ artisti, abbozzi ta’ knejjes, kollezzjonijiet privati – xi wħud minnhom esibiti għall-ewwel darba – kif ukoll statwi ta’ daqs naturali u diversi artifatti relatati mar-Randan. Huwa enfasizza wkoll l-interess qawwi li wrew baned, soċjetajiet u individwi, b’mod partikolari għall-purċissjoni tat-tfal li se tinvolvi aktar minn mitt tifel u tifla bil-vestwarju u statwi.
Bonnici esprima x-xewqa li l-attività tkompli tikber u tissaħħaħ fis-snin li ġejjin, billi tkompli tippromwovi l-arti, il-kultura u l-kult, filwaqt li tfakkar ukoll f’dawk li għaddejjin minn żminijiet diffiċli u li jsibu sostenn permezz tal-Malta Community Chest Fund.
Iċ-Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, Sina Bugeja, enfasizzat l-importanza li minn età żgħira nrawmu sens ta’ apprezzament lejn il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħna, flimkien ma’ sens ta’ solidarjetà u ċiviltà lejn min għandu bżonn l-għajnuna.
Il-biljetti jinsabu disponibbli fuq showshappening.com u jibdew minn donazzjoni ta’ €10, li tagħti aċċess għal ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet mid-9.30 ta’ filgħodu sa tard filgħaxija. Il-biljetti jistgħu jinxtraw ukoll mill-post fil-jiem tal-attività.
Ritratti: OPR












