It-tfal li jgħixu fil-Kottonera se jkollhom għal darb’oħra ċ-ċans li matul is-sajf jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ b’xejn fl-atletika fil-Kulleġġ De La Salle. Dawn is-sessjonijiet se jinkludu attivitajiet bħal ġiri, qbiż u dixxiplini oħra, bil-għan li t-tfal jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jersqu aktar lejn l-isport.
Din l-inizjattiva tħabbret waqt l-iffirmar ta’ ftehim bejn il-Fondazzjoni Kottonera u l-La Salle Athletics Club, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat ir-rwol dejjem jikber tal-Fondazzjoni Kottonera fil-ħajja tal-komunità f’Bormla, il-Birgu, l-Isla u l-Kalkara. Hija spjegat kif il-ħidma tal-fondazzjoni qed issaħħaħ u tikkumplimenta dik tal-kunsilli lokali, speċjalment permezz ta’ inizjattivi li jħeġġu stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu fost it-tfal.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, qal li din hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li jinkludu aspetti kulturali, soċjali u sportivi, bil-għan li r-residenti tal-Kottonera jkollhom aċċess għal attivitajiet ta’ kwalità fil-lokalitajiet tagħhom. Huwa żied li din id-darba l-enfasi reġgħet kienet fuq it-tfal, billi qed jingħataw opportunità jidħlu fid-dinja tal-atletika.
Tara Abdilla, li tirrappreżenta l-La Salle Athletics Club, qalet li l-klabb huwa kuntent li jista’ jagħti lura lill-komunità fejn jopera, permezz ta’ din l-inizjattiva.
Is-sessjonijiet se jsiru matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, kull nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa bejn is-6:30pm u t-8:00pm, u huma miftuħa għal studenti li jattendu l-iskejjel primarji ta’ Bormla, l-Isla, il-Birgu u l-Kalkara.











