“Illum iltqajna ma’ tifel żgħir ħafna biex nippreżentawlu rekord nazzjonali ġdid li żgur se jġib tbissima lil dawk kollha li jħobbu l-festi Maltin.” Hekk inkiteb fuq il-paġna ta’ The Malta Records fit-13 t’April li għadda.
Dan ir-rekord jirrikonoxxi lill-iżgħar fratell li qatt ħa sehem f’purċissjonijiet f’knejjes madwar Malta, u li għamel l-akbar numru ta’ servizzi għal età daqshekk żgħira.
Ir-rekord intlaħaq minn Sam Zammit Schembri, li beda jagħti s-servizz ta’ fratell meta kellu biss sentejn u 7 xhur. Sal-età ta’ 4 snin u xahrejn, diġà kien ipparteċipa f’31 servizz – kisba tassew impressjonanti.
Bla dubju, dan huwa rekord mistħoqq u li jispikka. Nawguraw lil Sam biex ikompli jħaddan din il-passjoni sabiħa, u napprezzaw ukoll id-dedikazzjoni u l-paċenzja tal-ġenituri tiegħu li jappoġġjawh f’dak li tant iħobb.








