Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-masterplans ġodda għall-iżvilupp tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ir-riġenerazzjoni tal-Isptar San Luqa u r-rinnovar tal-Isptar Boffa, bħala parti minn viżjoni fit-tul għall-qasam tas-saħħa f’Malta u Għawdex.
Il-pjan għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex għandu jwassal għall-bini ta’ sptar modern u aktar reżiljenti, b’servizzi aktar avvanzati li jwieġbu għall-ħtiġijiet futuri tal-pazjenti Għawdxin u Maltin. Fl-istess waqt, l-Isptar San Luqa se jiġi trasformati f’kampus modern tas-saħħa permezz ta’ investiment mifrux fuq medda ta’ 15-il sena, filwaqt li l-Isptar Boffa wkoll se jgħaddi minn xogħlijiet ta’ rinnovar.
Il-masterplan għall-kampus tas-saħħa issa tlesta u l-proġett qed jidħol fil-fażi tad-disinn dettaljat u t-tħejjija tas-sejħiet għall-offerti. Saru wkoll studji dwar il-ħtiġijiet futuri tas-saħħa u d-demografija, flimkien ma’ investigazzjonijiet tekniċi u ġeotekniċi sabiex jitfassal pjan sostenibbli għall-futur.
Il-Ministru Abela spjega li diġà bdew diversi xogħlijiet preparatorji, fosthom rilokazzjoni ta’ partijiet mill-kampus fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex biex ikun jista’ jinbena l-isptar il-ġdid. Qal ukoll li l-helipad il-ġdid jinsab fi stadju avvanzat u mistenni jibda jopera aktar tard din is-sena.
Huwa sostna li dan il-proġett għandu jsaħħaħ il-kapaċità tal-isptarijiet, inaqqas il-ħinijiet ta’ stennija, itejjeb il-preparazzjoni għall-emerġenzi u joffri aktar servizzi speċjalizzati qrib il-komunitajiet.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg faħħar il-ħidma li saret bejn il-Ministeru, l-amministrazzjonijiet tal-isptarijiet u l-esperti involuti biex jitfassal pjan realistiku li jindirizza kemm il-ħtiġijiet preżenti kif ukoll dawk futuri tas-settur tas-saħħa.
Huwa nnota wkoll li l-ewwel fażijiet tal-pjan diġà qed jitwettqu kemm f’Għawdex kif ukoll fl-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech, filwaqt li l-Gvern qed ikompli jinvesti f’servizzi aħjar, tagħmir modern u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.












