Il-Bajja ta’ San Ġorġ se terġa’ tkun il-palk ta’ waħda mill-attivitajiet tas-sajf l-aktar mistennija hekk kif nhar il-Ħadd 12 ta’ Lulju se jittella’ l-Beach Fest 2026. L-avveniment se jsir bejn is-6.00pm u l-11.00pm u se joffri programm varjat ta’ attivitajiet, mużika u divertiment għal kull età.
L-attività qed tiġi organizzata permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, bil-għan li tkompli tagħti ħajja lil din iż-żona popolari filwaqt li tgħaqqad flimkien lir-residenti, lill-familji u lit-turisti.
Waqt it-tnedija tal-avveniment, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli sostniet li l-Beach Fest huwa eżempju ċar ta’ kif il-kollaborazzjoni bejn entitajiet pubbliċi u l-kunsilli lokali tista’ twassal għal inizjattivi li jagħtu ħajja lill-ispazji pubbliċi u jsaħħu l-komunitajiet. Hija qalet li attivitajiet bħal dawn mhux biss joffru divertiment ta’ kwalità, iżda wkoll jippromwovu l-edukazzjoni, is-sostenibbiltà u sens akbar ta’ appartenenza lejn il-lokalità.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela enfasizza li l-Beach Fest juri t-tip ta’ esperjenzi ta’ kwalità li Malta għandha tkompli toffri kemm lir-residenti kif ukoll lit-turisti. Huwa spjega li avvenimenti bħal dawn isaħħu l-prodott turistiku tal-pajjiż, filwaqt li jinkoraġġixxu l-edukazzjoni ambjentali, il-kultura u s-sostenibbiltà. Skont il-Ministru Abela, dawn l-inizjattivi jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni li toffri esperjenzi awtentiċi matul is-sena kollha.
Wara r-rispons pożittiv li kiseb fl-ewwel edizzjoni tiegħu s-sena li għaddiet, il-Beach Fest qed jirritorna b’aktar attivitajiet li jgħaqqdu d-divertiment mal-edukazzjoni, il-kultura u l-għarfien dwar il-ħarsien tal-ambjent. L-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-profil tal-Bajja ta’ San Ġorġ bħala destinazzjoni ta’ kwalità kemm għall-Maltin kif ukoll għall-viżitaturi barranin.
Il-Bajja ta’ San Ġorġ hija unika peress li hija l-unika bajja f’Malta li tgawdi kemm iċ-ċertifikazzjoni internazzjonali Blue Flag kif ukoll l-akkreditazzjoni Purple Flag tar-Renju Unit, żewġ rikonoxximenti li jixhdu l-kwalità, is-sigurtà u l-immaniġġjar sostenibbli tal-lokalità.
Matul il-lejla, dawk preżenti se jkollhom l-opportunità jżuru diversi stands informattivi u ta’ esebituri, inkluż l-EcoMarket, filwaqt li jsegwu dimostrazzjonijiet relatati mal-ewwel għajnuna, il-ħajja fil-baħar u s-sostenibbiltà ambjentali. Mhux se jonqsu wkoll wirja ta’ karozzi, spazji ddedikati għall-arti u face painting bla ħlas għat-tfal.
Il-programm ta’ divertiment se jkun animat minn diversi artisti u gruppi lokali, fosthom Tikka Banda, Owen Leuellen, Dawn Desira, Amelia, Kaya Gurmi, The Subdominants Big Band, Victoria, Kyle George u Justine Shorfid, li se jagħtu ħajja lill-bajja b’wirjiet live tul il-lejla kollha.
Il-Beach Fest 2026 iwiegħed li jkun okkażjoni oħra ta’ suċċess li tgħaqqad il-komunità, tippromwovi l-kuxjenza ambjentali u toffri esperjenza memorabbli f’wieħed mill-isbaħ spazji pubbliċi mal-kosta Maltija.










