Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar it-tnedija ta’ proġett innovattiv bl-isem SaqWI-QA/SaqWI, immirat biex isaħħaħ il-preżenza tal-ilsien Malti fl-ambjent diġitali permezz tal-iżvilupp ta’ riżorsi essenzjali għall-ipproċessar tal-lingwa naturali.
Dan il-proġett qed jitwettaq bl-appoġġ tal-iskema ta’ finanzjament Lingua ta’ Microsoft, li hija ddedikata biex tappoġġja lingwi Ewropej b’riżorsi limitati fuq pjattaformi ta’ Intelliġenza Artifiċjali. Permezz ta’ din l-iskema, SaqWI ngħata finanzjament ta’ $51,000, li jinkludi wkoll $15,000 f’Azure Credits. Il-benefiċjarju dirett ta’ din l-inizjattiva huwa ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
It-tħabbira saret waqt laqgħa bejn il-Ministru Bonnici u l-General Manager ta’ Microsoft għal Malta, il-Greċja u Ċipru, Yana Andronopoulou, fejn kienu preżenti wkoll rappreżentanti tekniċi u strateġiċi tal-kumpanija, kif ukoll akkademiċi u uffiċjali minn entitajiet nazzjonali. Fost dawn kien hemm rappreżentanti mid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali tal-Università ta’ Malta, il-Grupp ta’ Riċerka NLP immexxi mill-Prof. Claudia Borg, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services (PBS), l-Inġinier Keith Chetcuti.
Il-Ministru Bonnici esprima sodisfazzjon għal dan l-iżvilupp u sostna li SaqWI jirrappreżenta pass importanti ’l quddiem fl-iżvilupp teknoloġiku tal-ilsien Malti. Huwa enfasizza li inizjattivi bħal dawn jiżguraw li l-Malti jibqa’ relevanti u preżenti anke fid-dinja diġitali li qed tinbidel b’pass mgħaġġel, filwaqt li saħaq fuq l-importanza ta’ kollaborazzjoni kontinwa bejn entitajiet pubbliċi u privati.
Il-proġett se juża l-arkivji awdjoviżwali estensivi tal-PBS biex jinħoloq dataset miftuħ li se jinkludi mill-inqas 5,000 sett ta’ mistoqsijiet u tweġibiet, kif ukoll bejn 100 u 150 siegħa ta’ snippets ta’ traskrizzjonijiet allinjati. Dawn ir-riżorsi se jkunu bbażati fuq xandiriet lokali, fosthom aħbarijiet, dokumentarji u programmi kulturali, sabiex id-dataset ikun jirrifletti r-realtà kulturali u storika tal-poplu Malti.
Is-servizzi ta’ Azure AI se jintużaw biex jittraskrivu x-xandiriet, filwaqt li annotaturi umani se jirrevedu u jirfinaw it-traskrizzjonijiet biex tiġi żgurata l-eżattezza lingwistika u kulturali. Dan il-proċess se jikkontribwixxi biex jinħolqu għodod aktar preċiżi u adattati għall-kuntest Malti.
SaqWI għandu wkoll l-għan li jipprovdi bażi soda għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet edukattivi u teknoloġiċi fil-futur. Id-dataset se jiġi rilaxxat taħt liċenzji miftuħa, sabiex tiġi mħeġġa s-sostenibbiltà fit-tul u r-riċerka kontinwa dwar il-Malti bħala lingwa sottorappreżentata fis-sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali. Barra minn hekk, se jservi bħala mezz biex jiġu evalwati u mtejba s-sistemi ta’ awtomazzjoni tat-traskrizzjoni tal-kliem (ASR), b’mod partikolari għal lingwi b’riżorsi limitati.
Il-proġett jinkludi wkoll kollaborazzjoni ma’ TVM u Microsoft biex jittejbu l-għodod diġitali ta’ ASR għall-Malti, billi l-aħbarijiet tas-6pm se jservu bħala proġett pilota. Dan se jgħin biex jiġu indirizzati sfidi bħall-code-switching, l-ortografija u l-varjazzjonijiet fl-intonazzjoni. Fl-istess waqt, jiftaħ il-bieb għal soluzzjonijiet ta’ sottotitoli aktar inklussivi, b’mod partikolari għall-persuni neqsin mis-smigħ, l-anzjani, dawk li qed jitgħallmu l-lingwa u l-pubbliku inġenerali.
Permezz ta’ SaqWI, il-Malti qed jieħu pass ieħor importanti biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala lingwa ħajja u dinamika, adattata għall-isfidi u l-opportunitajiet tal-era diġitali.










