Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Kummissarju tal-Films Johann Grech, żaru s-sett tal-produzzjoni Ingliża The Travel Writer fil-Birgu.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonnici sostna li l-programm tal-cash rebate sar element ewlieni fl-iżvilupp tal-industrija tal-films f’Malta, billi qed jattira produzzjonijiet internazzjonali ta’ livell għoli. Huwa spjega li dawn il-produzzjonijiet mhux biss isaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni kompetittiva għall-film, iżda wkoll joħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol u investiment għall-professjonisti Maltin.
Il-Ministru żied jgħid li dan is-suċċess juri kif politika b’viżjoni, kemm kulturali kif ukoll ekonomika, tista’ tħalli impatt konkret fuq l-ekonomija kreattiva tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li produzzjonijiet bħal The Travel Writer ma jġibux biss investiment dirett fl-ekonomija, iżda wkoll jgħinu biex jiżdiedu l-ħiliet tal-crews, tikber l-industrija u Malta tikseb aktar viżibilità fuq livell internazzjonali. Huwa enfasizza li l-ħidma biex tinbena industrija sostenibbli li toħloq impjiegi ta’ kwalità u karrieri fit-tul għall-Maltin u l-Għawdxin qed tkompli tissaħħaħ.
Dan il-film Ingliż, li għandu tul ta’ madwar 100 minuta, beda jinġibed f’Malta f’nofs Frar u se jdum madwar 25 ġurnata. Taħt id-direzzjoni tad-direttriċi rinomata Heidi Ewing, The Travel Writer jirrakkonta l-istorja ta’ Sam Nicholson, kittieb tal-ivvjaġġar li fl-1985 jirtira f’raħal kwiet u remot fi Sqallija.
Peress li Malta qed tintuża biex tirrappreżenta Sqallija tas-snin tmenin, il-ġbid qed isir f’diversi rħula u lokalitajiet Maltin li joffru xenarju Mediterranju u tradizzjonali, fosthom il-Manikata, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, ir-Rabat u ż-Żurrieq.
The Travel Writer hija waħda mit-tmien produzzjonijiet li bħalissa qed jinġibdu f’Malta. Il-produzzjoni qed tinvolvi numru kbir ta’ membri tal-crew, bil-maġġoranza tagħhom Maltin u Għawdxin.
Din il-produzzjoni qed toffri opportunità oħra biex il-professjonisti Maltin tal-industrija jkomplu jaħdmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jibnu karriera sostenibbli fil-qasam tal-films. Fil-fatt, hija eżempju ta’ kif l-istrateġija tal-Kummissjoni tal-Films fl-aħħar tmien snin għenet biex industrija li darba kienet staġjonali tinbidel f’waħda li taħdem matul is-sena kollha.












