F’kull sistema li tassew tħares l-aħjar interess tat-tfal, hemm prinċipju wieħed li għandu jkun ċar: ż-żmien tat-tfal mhux bħaż-żmien tal-adulti. Għalina, sena tista’ tidher qasira. Għat-tfal, sena hija parti kbira minn ħajjithom. U għalhekk, ġurnata ta’ stennija fil-ħajja ta’ tifel jew tifla hija ġurnata mitlufa li ma terġax lura.
Riċerka internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp tat-tfal, turi b’mod konsistenti li dewmien fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, speċjalment f’każijiet ta’ kura, kustodja jew protezzjoni, jista’ jkollu effetti negattivi fit-tul. Studji juru li inċertezza fit-tul taffettwa l-iżvilupp emozzjonali, il-kapaċità ta’ attakkament sigur, u saħansitra l-iżvilupp konjittiv tat-tfal. Organizzazzjonijiet bħal Unicef, ilhom jenfasizzaw li stabbiltà u deċiżjonijiet f’waqthom huma kruċjali għall-benesseri tat-tfal.
Fil-qasam tal-ġustizzja, hemm ukoll evidenza ċara li każijiet li jdumu fit-tul fil-qrati jwasslu għal aktar ansjetà u stress fit-tfal involuti. Il-prinċipju tal-“best interests of the child”, li jinsab fil-Konvenzjoni tad-drittijiet tat-Tfal, ma jfissirx biss li nieħdu deċiżjoni tajba izda ifisser ukoll li nieħduha fil-ħin.
U hawnhekk irridu nsaqsu lilna nfusna mistoqsija diffiċli: x’qed jiġri meta t-tfal ikollhom jistennew?
Bħala medjatur u social worker, rajt b’għajnejja tfal jistennew, mhux b’paċenzja, imma b’ħniena u inċertezza kbira, li xi ħadd jieħu deċiżjoni f’isimhom. Tfal li ma jafux fejn se jgħixu, ma’ min se jqattgħu ħinhom, jew x’se jiġri minn familthom. Din mhix biss kwistjoni ta’ amministrazzjoni jew proċedura. Din hija kwistjoni ta’ ħajja reali, ta’ kuljum.
U hemm dimensjoni oħra li spiss ninsew. Għaliex ma nisimgħux lit-tfal stess?
Ir-riċerka u l-qafas legali internazzjonali jagħmluha ċara li t-tfal għandhom id-dritt li jinstemgħu f’deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Dan mhux sempliċiment prinċipju sabiħ fuq il-karta, huwa obbligu morali u professjonali. Meta nieħdu deċiżjoni fuq ħajja ta’ tifel jew tifla sempliċiment għax huma “għadhom żgħar”, inkunu qed ninjoraw il-perspettiva tagħhom, il-bżonnijiet tagħhom, u kultant anke r-realtà tagħhom.
Naturalment, mhux kull deċiżjoni tista’ tittieħed b’għaġġla irresponsabbli. Imma hemm differenza kbira bejn kawtela professjonali u dewmien bla bżonn. Is-sistemi tagħna, kemm fil-qrati kif ukoll fil-ħidma soċjali, għandhom jiġu mfassla b’mod li jnaqqsu l-istennija, mhux iżiduha.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija mhix jekk nistgħux nieħdu aktar ħin. Il-mistoqsija hija: għandhom it-tfal il-lussu li jistennew?
U t-tweġiba hija ċara. Le.
It-tfal għandhom dritt għal deċiżjonijiet ġusti. Imma għandhom ukoll dritt għal deċiżjonijiet fil-ħin. U fuq kollox, għandhom dritt li jinstemgħu, mhux għada, mhux meta jkun konvenjenti, imma issa.
(Artiklu minn Remenda Grech b’għarfien u kuxjenza dwar il-benesseru tat-tfal fis-Soċjetà Maltija)








