Il-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar se tibbenefika minn investiment importanti biex jitwettaq restawr meħtieġ kemm fil-koppla tal-knisja kif ukoll fit-teatru Notre Dame, magħruf bħala s-sala tal-Kappillan; spazju li jintuża regolarment minn eluf ta’ residenti.
Dan tħabbar mill-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Owen Bonnici flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa, li enfasizzaw l-importanza ta’ dan il-proġett għall-komunità.
Is-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja jibqa’ wieħed mill-aktar postijiet reliġjużi importanti f’Malta, b’valur storiku u kulturali kbir, u li kull sena jilqa’ eluf ta’ pellegrini. Madankollu, maż-żmien il-binja sofriet diversi ħsarat, b’mod partikolari fil-koppla u fis-soqfa, li qed jaffettwaw ukoll l-opri artistiċi li jinsabu ġewwa.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li dan il-proġett għandu impatt dirett fuq il-komunità Żabbarija, hekk kif is-santwarju mhuwiex biss binja reliġjuża, iżda parti essenzjali mill-identità u l-fidi tan-nies. Huwa saħaq li x-xogħlijiet se jiżguraw ambjent aktar sigur u dinjituż, filwaqt li jkomplu jsaħħu r-rwol tal-post bħala ċentru ta’ għaqda.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici qal li dan l-investiment huwa parti minn ħidma usa’ biex jitħares il-wirt nazzjonali. Huwa sostna li l-protezzjoni tal-wirt kulturali mhux biss issaħħaħ l-identità tagħna, iżda tippermetti wkoll lill-ġenerazzjonijiet futuri japprezzawh u jgawduh.
L-Arċipriet tal-Parroċċa laqa’ b’sodisfazzjon dan l-iżvilupp u rringrazzja lill-awtoritajiet għall-appoġġ tagħhom fil-preservazzjoni ta’ dan il-post tant għal qalb il-komunità.








