Tlestew ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-pitturi tas-saqaf fil-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq, proġett importanti li sar b’investiment ta’ €60,000 u li ġie kofinanzjat mill-Kunsill Malti għall-Arti. Dan l-intervent iffoka fuq il-pitturi li jinsabu fil-parti interna tal-koppla, kif ukoll fuq id-dettalji dekorattivi tal-istess struttura, li llum reġgħu ngħataw il-ħajja u l-isplendur tagħhom.
Il-ħidma kienet meħtieġa minħabba l-kundizzjoni ħażina li kienu waslu fiha dawn il-pitturi wara snin twal ta’ deterjorazzjoni, tant li f’ċerti partijiet kienu kważi ntilfu kompletament. Permezz ta’ interventi artistiċi sensittivi u professjonali, l-artist Manuel Farrugia rnexxielu jerġa’ jqajjem is-sbuħija oriġinali tagħhom, filwaqt li żamm armonija mal-bqija tal-opri artistiċi fil-knisja.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li dawn l-interventi kienu meħtieġa biex mhux biss jiġu salvati l-pitturi, iżda wkoll biex jikkumplimentaw il-wirt artistiku eżistenti. Huwa enfasizza li dan it-tip ta’ xogħol jgħin biex il-ġid kulturali u reliġjuż tal-lokalità jibqa’ jitgawda minn ġenerazzjonijiet futuri.
Żied jgħid li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jinvesti fl-arti u fil-wirt reliġjuż madwar Malta, u dan il-proġett huwa parti minn sensiela usa’ ta’ interventi simili li qed isiru f’knejjes u kappelli oħra.
Issa li x-xogħolijiet waslu fi tmiemhom, il-pass li jmiss huwa li jitneħħa l-iscaffolding li kien armat fuq l-artal, xogħol li se jsir mill-parroċċa stess.
Għaż-żjara fuq il-post attendew ukoll is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima u l-Arċipriet Daniel Cardona, li segwew mill-qrib ir-riżultati ta’ dan il-proġett ta’ restawr.










