Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura Ġnien it-Tfal Qriema f’Ħal Qormi, proġett ġdid li biddel spazju ta’ 3,600 metru kwadru f’żona moderna u miftuħa għall-komunità. Għall-inawgurazzjoni attendew ukoll il-Ministru Silvio Schembri u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Dan il-ġnien sar b’investiment ta’ €1.9 miljun permezz tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali flimkien ma’ INDIS Malta, u issa joffri spazju sigur u sabiħ għall-familji, it-tfal u r-residenti Qriema. Il-proġett jinkludi żoni tal-logħob moderni, outdoor gym u spazju għall-picnics biex iħeġġeġ stil ta’ ħajja aktar attiv u b’saħħtu.
Il-Prim Ministru sostna li dan huwa parti minn viżjoni usa’ biex jinħolqu aktar spazji miftuħa fil-komunitajiet Maltin, fejn in-nies jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien u jgawdu ambjent aħjar fil-lokalitajiet tagħhom.
Matul l-attività saret ukoll referenza għal-librerija fil-ġnien, li ngħatat l-isem ta’ Anthony J. Coleiro, edukatur u filantropu magħruf f’Ħal Qormi u missier il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-Prim Ministru ħeġġeġ lit-tfal jibqgħu attivi, jinvolvu ruħhom fil-komunità u jkomplu joħolmu għal futur aħjar, filwaqt li rringrazzja lill-entitajiet kollha involuti fil-proġett li se jservi lill-komunità għal ħafna snin oħra.














