Imniedi proġett ġdid ta’ riġenerazzjoni u riabilitazzjoni tal-kumpless City Gate fil-Valletta, b’investiment li mistenni jilħaq il-€5 miljun. Il-proġett qed jitmexxa mill-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet, id-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Public Works.
L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li l-kumpless City Gate jerġa’ jingħata ħajja ġdida bħala spazju modern, sigur u aktar iffukat fuq il-komunità, wara snin ta’ telqa u nuqqas ta’ manutenzjoni.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-proġett għandu jkompli jsaħħaħ ir-riġenerazzjoni li diġà saret fil-kapitali, filwaqt li joħloq ambjent aktar aċċessibbli u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum mingħajr ma tintilef l-identità storika tal-Belt Valletta.
Fost l-interventi ppjanati hemm ir-riabilitazzjoni tal-ħwienet u tal-istabbilimenti tal-ikel fil-livell terran, filwaqt li l-okkupanti preżenti se jżommu l-kirja tagħhom u jibbenefikaw minn spazji mmodernizzati.
Element importanti tal-proġett se jkun il-ħolqien ta’ spazju multifunzjonali fl-ewwel sular, maħsub biex jilqa’ attivitajiet kulturali, kreattivi u soċjali. F’dan l-ispazju se tinħoloq ukoll żona sensorjali u ta’ benesseri b’ambjent kalm u rilassanti, b’elementi bħal dawl adattat, ħsejjes rilassanti u installazzjonijiet interattivi, immirati b’mod partikolari lejn iż-żgħażagħ iżda miftuħa għal kulħadd.
Se jkun hemm ukoll spazju ddedikat għal wirjiet temporanji tal-arti, biex artisti emerġenti u stabbiliti jkollhom pjattaforma fejn jesebixxu xogħlijiet differenti.
Il-proġett jinkludi wkoll ir-rilokazzjoni tal-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta minn Pjazza San Ġorġ għaż-żona ta’ fuq tal-Belt, filwaqt li l-kumpless kollu se jkun kompletament aċċessibbli permezz ta’ lifts u escalators għal persuni ta’ kull età u b’livelli differenti ta’ mobilità.
Ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew fi żmien massimu ta’ sentejn.












