Ħames mitt sena ilu, il-Mosta għaddiet minn wieħed mill-aktar episodji koroh fl-istorja tagħha. Skont Ġananton Vassallo fil-ktieb Storja ta’ Malta miktuba għall-poplu tal-1948, il-kursar Rajjes Sinan niżel bil-lejl in-naħa ta’ Buwarrat, daħal minn ġo l-art u wasal sal-Mosta fejn ħataf madwar erba’ mitt persuna bħala lsiera, fosthom għarusa “bil-ħaddara kollha”. Din baqgħet magħrufa bħala “l-għarusa tal-Mosta”.
Vassallo jistaqsi mistoqsija li tibqa’ tolqotna sal-lum: fejn kienu l-għases tad-Dejma u s-suldati Spanjoli? Dawn suppost kienu hemm biex jgħassu l-kosta, iwissu lin-nies u jiddefendu lill-irħula Maltin minn attakki bħal dawn. Iżda dik il-lejla fallew. Il-Mosta spiċċat kważi vojta min-nies tagħha wara li ħafna tkaxkru bħala lsiera.
Dak iż-żmien, ħafna Mostin kienu jagħmlu parti mid-Dejma. Fl-1419 kien hemm 95 raġel minn hemm involuti, u snin wara kien hemm ukoll għassiesa max-xtut ta’ San Pawl il-Baħar u Burmarrad. Xi wħud kienu saħansitra obbligati jipprovdu żiemel għall-għassa. Minkejja dan, kien hemm min ma kienx jagħmel dmiru.
Il-Viċi Re ta’ Sqallija saħansitra neħħa lill-Kaptan Girolamo Campo wara dan l-attakk għax tqies li falla fid-dmirijiet tiegħu. Iżda l-problema kienet akbar minn persuna waħda. Il-Kunsill Popolari tal-Imdina kien ilu jilmenta li r-Re ta’ Aragona ma kienx qed jinvesti biżżejjed biex jipproteġi lil Malta b’torrijiet u swar adegwati.
L-attakk ħalla konsegwenzi kbar fuq il-familji Mostin. Ġian Frangisk Abela kiteb li ħafna kellhom ibigħu l-art tagħhom biex jiġbru flus ħalli jifdu lilhom infushom jew lill-qraba tagħhom mill-jasar. Xi familji spiċċaw f’faqar kbir.
Dak iż-żmien il-Mosta kienet għadha magħmula minn diversi rħula żgħar bħar-Raħal Calleja, Raħal Sir, Raħal Ħobla, Bise u Dimag. In-nies kienu jgħixu prinċipalment mill-biedja u jaħdmu iebes biex jgħixu. Imma bħalma jiġri kullimkien, kien hemm ukoll min iqatta’ ħinu fit-taverni u fil-logħob tal-ażżard, tant li fl-1479 kien inħareġ bandu kontra dan fil-Mosta.
Din il-ġrajja tfakkarna kemm Malta kienet vulnerabbli għall-attakki tal-kursara u kemm il-poplu spiss kien jitħalla jiddependi fuqu nnifsu aktar milli fuq il-ħarsien tas-slaten barranin. Fl-istess ħin, turi wkoll il-qawwa u r-reżiljenza tal-komunitajiet Maltin li minkejja t-tbatijiet baqgħu jibnu mill-ġdid ħajjithom u l-irħula tagħhom.
Saħħa u sliem.
Minn Evarist Bartolo








