Il-Ministeru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, nieda l-ewwel Legal and Finance Grant, skema ġdida maħsuba biex tgħin lill-artisti, lill-prattikanti kreattivi u lill-organizzazzjonijiet kulturali jiksbu pariri professjonali legali u finanzjarji. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-benefiċjarji jistgħu jirċievu sa €3,000 biex ikopru spejjeż relatati ma’ dawn is-servizzi.
L-iskema ġiet żviluppata wara diskussjonijiet mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) u għandha l-għan li tindirizza diversi sfidi prattiċi li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti fis-settur kulturali u kreattiv. Il-fondi jistgħu jintużaw għal pariri dwar kuntratti, proprjetà intellettwali, ġestjoni tad-drittijiet, taxxa, kontabilità, ippjanar finanzjarju, assigurazzjoni u rekwiżiti regolatorji oħra relatati max-xogħol artistiku.
Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea sostna li l-kultura hija investiment li jsaħħaħ kemm il-kreattività kif ukoll l-ekonomija, filwaqt li din l-għotja se tagħti lill-professjonisti kreattivi l-għodod meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw il-karrieri tagħhom b’mod sostenibbli.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, enfasizza li l-artisti tal-lum għandhom ukoll responsabbiltajiet professjonali li jinkludu kuntratti, drittijiet u deċiżjonijiet finanzjarji. Huwa qal li din l-iskema tgħin biex il-komunità kreattiva taħdem b’aktar kunfidenza, professjonalità u reżiljenza.
Id-Direttur tal-Fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti, Rita Falzon, spjegat li l-għotja tindirizza bżonn reali fis-settur u hija allinjata mal-prinċipji tal-Karta dwar l-Istatus tal-Artist, b’enfasi fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, protezzjoni tad-drittijiet u rikonoxximent professjonali.
Anke l-MEIA laqgħet din l-inizjattiva. Is-Segretarja Ġenerali tagħha, Nicole Debono, qalet li l-iskema hija riżultat ta’ kollaborazzjoni effettiva u se tkun aċċessibbli għall-komunità kulturali kollha, bil-għan li tkompli ssaħħaħ il-governanza u l-professjonalità fis-settur.
L-applikazzjonijiet għall-Legal and Finance Grant se jibqgħu miftuħa sa nofsinhar tat-2 ta’ Settembru 2026. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur Arts Council Malta.











