Wara l-fama tal-glorja tal-Ordni tal-Kavallieri, kien hemm ukoll stejjer li juru naħa ferm aktar mudlama. Skont diversi kitbiet taż-żmien, il-poter kien jintuża mhux biss biex imexxu l-pajjiż, iżda wkoll biex jissodisfaw ix-xewqat personali ta’ min kien fil-quċċata.
Jingħad li xi Granmastri kienu jagħżlu l-isbaħ nisa Maltin u jordnaw li jitressqu l-Palazz. Irġielhom kienu jiġu mkeċċija jew mhedda b’azzjonijiet legali jekk kienu jippruvaw jirreżistu. Il-poter kien iservi biex jinkisru familji u jitrażżnu dawk li ma kinux lesti joqogħdu għar-rieda tal-awtorità.
Fil-kampanja Maltija kien hemm ukoll binjiet li, skont dawn ir-rakkonti, kienu jservu ta’ kenn għal ikliet lussużi, xorb bla qies u avventuri sesswali. Hija xbieha li tikkuntrasta bil-kbir mal-ideal ta’ ordni reliġjuża u militari mwaqqfa biex tiddefendi l-Kristjaneżmu.
Dawn l-akkużi jidhru wkoll fil-kitbiet ta’ persuna li ffirmat bl-isem Carasi. Jingħad li kien suldat Franċiż li serva Malta bejn l-1780 u l-1782. Fil-kitba tiegħu pprova jikxef dak li sejjaħ bħala l-korruzzjoni u d-dekadenza morali li, skontu, kienu wasslu lill-Ordni titlef il-vokazzjoni oriġinali tagħha.
Carasi jirrakkonta wkoll każ fejn Kavallier Franċiż prominenti allegatament kellu relazzjoni inċestuża ma’ oħtu. Jgħid li, minkejja l-gravità tal-akkużi, il-familja tiegħu rnexxielha tevita kundanna permezz tat-tixħim u l-influwenza fuq l-awtoritajiet, inkluż l-Inkwiżitur.
Fil-kitbiet tiegħu hemm ukoll akkużi li ħafna Kavallieri kienu jagħmlu farsa mill-vot tal-kastità. Skontu, kienu jqattgħu ljieli f’festi fuq ix-xwieni fil-Port il-Kbir, iżuru l-briedel u l-moħbiet tagħhom, u mbagħad isibu qassisin lesti jagħtuhom l-assoluzzjoni biex setgħu jkomplu jieħdu sehem fiċ-ċerimonji reliġjużi mingħajr ma jitilfu l-privileġġi tagħhom. Il-ġid miksub mill-priża fuq il-baħar, jgħid Carasi, kien jiffinanzja ħajja ta’ lussu u eċċessi.
Iżda dawn il-kitbiet ma ġewx aċċettati minn kulħadd bħala verità storika. Kien hemm min sostna li Carasi kiteb b’intenzjoni politika aktar milli storika. Xi storiċi jqisu x-xogħol tiegħu bħala propaganda kontra n-nobbiltà u favur l-ideali ta’ libertà, ugwaljanza u fraternità li kienu qed jixterdu mar-Rivoluzzjoni Franċiża. Oħrajn saħansitra argumentaw li kitbiet bħal dawn setgħu servew biex jippreparaw l-opinjoni pubblika għall-invażjoni ta’ Napuljun fl-1798, li temmet il-ħakma tal-Ordni f’Malta.
Għalhekk, il-kitba ta’ Carasi tibqa’ sors kontroversjali: għal xi wħud hija xhieda ta’ korruzzjoni u abbuż, filwaqt li għal oħrajn hija dokument imnebbaħ mill-politika ta’ żmienu, li jeħtieġ jinqara b’għaqal u mqabbel ma’ sorsi storiċi oħra.
Minn Evarist Bartolo








