Matul ċerimonja li għalqet uffiċjalment l-attivitajiet tal-Ġimgħa tal-Ġustizzja Soċjali 2026, il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, enfasizzat li soċjetà tkun tassew b’saħħitha meta tieħu ħsieb lil kulħadd u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Hija sostniet li l-benesseri kollettiv jiddependi minn kemm inkunu kapaċi ninkludu u nappoġġjaw lil kull individwu fi ħdan il-komunità tagħna.
Il-President spjegat li biex dan iseħħ, jeħtieġ kultura ta’ għarfien u responsabbiltà, fejn in-nies jifhmu l-importanza ta’ soċjetà li tilqa’, twennes u toffri s-sapport meħtieġ. Skontha, meta persuna tingħata l-opportunitajiet u l-għodda meħtieġa, tkun tista’ tiżviluppa l-potenzjal tagħha u tikkontribwixxi b’mod aktar effettiv lejn il-ġid komuni.
Hija qalet li dan iwassal għal sinerġija bejn iċ-ċittadini u dawk fdati bit-tmexxija tal-pajjiż, fejn kulħadd jaħdem flimkien għal soċjetà aktar ġusta u bilanċjata.
Fid-diskors tagħha, il-President tat ħarsa lejn kif il-kunċett tal-ġustizzja soċjali f’Malta żviluppa matul is-snin taħt amministrazzjonijiet differenti, kollha mmexxija mir-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji Kostituzzjonali. Madankollu, hija enfasizzat li l-akbar sfida tibqa’ dejjem li dan il-kunċett ma jibqax biss fuq il-karta, iżda jitwettaq konkretament fil-ħajja ta’ kuljum.
Hija rrikonoxxiet li l-ġustizzja soċjali fil-pajjiż illum hija aktar mifruxa u tinkludi wkoll lill-minoranzi, lil dawk li jesperjenzaw diskriminazzjoni u lil persuni fil-marġini tas-soċjetà. Dan wassal biex Malta żviluppat sistema robusta ta’ għajnuna u protezzjoni soċjali li tinkludi benefiċċji soċjali, sapport lill-familji, pensjonijiet, skemi biex aktar nies – speċjalment iż-żgħażagħ – isiru sidien ta’ djarhom, kif ukoll edukazzjoni u kura tas-saħħa offruti mingħajr ħlas mill-Istat.
Fejn dawn is-sistemi ma jilħqux biżżejjed, il-President saħqet fuq il-valur tal-filantropija u l-volontarjat, li ħafna drabi jindirizzaw sitwazzjonijiet urġenti jew nuqqasijiet li jinħassu fil-prattika. Hija spjegat li dawn l-inizjattivi jikkumplimentaw l-istruttura ta’ governanza mibnija fuq liġijiet, policies u servizzi pubbliċi, kollha mmirati biex inaqqsu d-diżugwaljanzi u jsaħħu l-pedamenti ta’ soċjetà ġusta.
Min-naħa tiegħu, Carmelo Abela fisser li l-ġustizzja soċjali mhijiex biss prinċipju astratt, iżda twemmin li għandu bżonn jiġi sostnut mill-politika u l-ekonomija biex jitħaddem fil-prattika. Huwa qal li soċjetà tkejjel il-valur tagħha minn kemm tieħu ħsieb lill-aktar vulnerabbli, u li l-isfida mhijiex kunflitt bejn min għandu u min m’għandux, iżda bejn l-indifferenza u r-rieda li nieħdu azzjoni.
Abela żied li filwaqt li huwa importanti li ngħinu lil min hu fil-bżonn, irridu wkoll inkunu ġusti ma’ dawk li qed jaħdmu u jikkontribwixxu biex jinħoloq il-ġid. Għalhekk sostna l-prinċipju ta’ “ġustizzja soċjali b’ġustizzja”, fejn il-ġid maħluq jitqassam b’mod għaqli u responsabbli.
Ix-Shadow Minister Carm Mifsud Bonnici enfasizza li demokrazija vera ma tistax teżisti mingħajr Stat soċjali effettiv. Huwa saħaq fuq il-ħtieġa li l-ġustizzja soċjali tibqa’ aġġornata u rilevanti, sabiex tonqos il-firda fis-soċjetà u tikber is-solidarjetà u l-għaqda nazzjonali.
Il-qofol tal-attività kien il-preżentazzjoni tal-Premju Ġustizzja Soċjali 2026 lil Fr Hilary Tagliaferro, l-Ambaxxatur Kenneth Vella, Maria Vidal u lis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar, bħala rikonoxximent tal-ħidma u l-impenn tagħhom favur soċjetà aktar ġusta u inklussiva.
B’dan il-mod intemmet ġimgħa ta’ attivitajiet organizzati minn Ivan Bartolo, Shadow Minister għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra l-Faqar u s-Solitudni, flimkien mal-grupp Ġustizzja Soċjali, bil-għan li jkomplu jqanqlu diskussjoni u azzjoni konkreta favur il-ġustizzja soċjali f’Malta.













