Il-Ħnejja ta’ Taħt it-Trinċiera, magħrufa wkoll bħala ‘The Kissing Elephants Arch’, f’Kemmuna waqgħet 248 sena wara li l-artist Svizzeru Louis Ducros pinġa din il-veduta f’Ġunju tal-1778. Fl-istess inċident traġiku, nhar is-27 ta’ Ġunju 2026, żagħżugħ turist tilef ħajtu meta parti mill-blat waqgħet fuqu għall-ħabta tas-7.30pm waqt li kien għaddej minn taħtha bil-jet ski. Turist ieħor kien tela’ fuq l-arkata biex jaqbeż minn fuqha għal ġol-baħar.
Bejn l-10 u s-16 ta’ Ġunju 1778, Ducros żar Għawdex u fost ix-xeni li pinġa kien hemm ‘Gezicht op rots met gat op kleine eiland Cumina bij Gozo’ – veduta tal-blata b’toqba fuq il-gżira żgħira ta’ Kemmuna.
Din il-pittura, illum, għandha valur ferm akbar minn sempliċi xogħol artistiku. Hija dokument storiku li jurina pajsaġġ li m’għadux jeżisti kif kien 248 sena ilu.
Matul is-sekli, il-kosta Maltija nbidlet kontinwament. Il-blat tagħna huwa ħajjin fih l-istorja naturali tal-gżejjer tagħna, iżda fl-istess ħin jurina kemm il-pajsaġġi li naħsbu li se jibqgħu għal dejjem jistgħu jisparixxu.
Il-Ħnejja ta’ Kemmuna mhijiex l-ewwel waħda. Qabilha tlifna t-Tieqa tad-Dwejra, magħrufa wkoll bħala t-Tieqa Żerqa. Issa tlifna monument naturali ieħor li għal ġenerazzjonijiet kien parti mill-identità tal-pajsaġġ Malti.
Il-pitturi ta’ Ducros jgħinuna nifhmu dan it-tibdil. Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex, huwa pinġa mhux biss il-pajsaġġ, iżda wkoll xeni mill-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk ix-xogħlijiet tiegħu huma bħal tieqa għal Malta ta’ aktar minn żewġ sekli u nofs ilu.
Anke l-pitturi tiegħu tal-Port il-Kbir juruna kif il-bniedem u n-natura bidlu l-kosta tagħna. Il-blat tqatta’ matul is-sekli għall-iżvilupp tal-port, għall-mollijiet fejn kienu jankraw ix-xwieni tal-merkanzija u tal-flotta militari, u għat-tarznari.
Ducros pinġa wkoll għar qrib il-Forti Ricasoli li sejjaħlu ‘Grotta delle Capre’. Illum, wara sekli ta’ mewġ iħabbat mal-blat, maltempati u anke l-effetti tal-bumbardamenti matul il-gwerra, ftit li xejn baqa’ mill-għar kif kien jidhirlu meta pinġieh fl-1778.
Is-saffi tal-blat tagħna
Biex nifhmu għaliex maż-żmien jiddgħajfu u jċedu formazzjonijiet bħat-Tieqa tad-Dwejra u l-Ħnejja ta’ Kemmuna, irridu nifhmu l-istruttura tal-blat tagħna.
Is-saffi ġeoloġiċi tal-Gżejjer Maltin bdew jiddepożitaw ruħhom gradwalment bejn madwar 34 miljun u 5 miljun sena ilu. Fost dawn hemm saffi ta’ franka iebsa u tqila fuq saffi ta’ franka aktar ratba u ħafifa.
Il-mewġ, jum wara jum u sena wara sena, iħabbat mal-irdumijiet u jiekol bil-mod il-franka aktar ratba. B’hekk jiffurmaw għerien, twieqi u arkati, għaliex il-blat aktar dgħajjef jitnaqqar filwaqt li dak aktar iebes jibqa’ jżomm il-forma.
Iżda maż-żmien jasal punt fejn il-blat iebes ta’ fuq jibqa’ mingħajr biżżejjed appoġġ. It-toqol tiegħu, flimkien mal-mewġ, il-maltempati u t-temperaturi għoljin tas-sajf li jkomplu jxaqqqu u jdgħajfu l-blat, iwasslu biex fl-aħħar l-istruttura ċċedi.
U hekk, wara 248 sena, waqgħet il-Ħnejja ta’ Kemmuna.
Għalina din hija telfa ta’ pajsaġġ, iżda hija wkoll lezzjoni dwar il-fraġilità tal-wirt naturali tagħna. Il-pitturi ta’ artist bħal Ducros jibqgħu jfakkruna f’dak li kellna u li llum m’għadux jeżisti.
Forsi l-akbar lezzjoni hi li dak li llum jidhrilna etern mhux bilfors se jkun hemm għada.
Saħħa u sliem – minn Evarist Bartolo
‘Gezicht op rots met gat op kleine eiland Cumina bij Gozo’ – Louis Ducros, Ġunju 1778.








