It-tieni edizzjoni tal-Christmas Market fil-qalba tal-Belt Valletta se ssir bejn is-6 u t-8 ta’ Diċembru 2025, f’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u s-Suq tal-Belt. Din l-attività popolari toffri esperjenza unika ta’ artiġjanat, kultura u tradizzjoni tal-Milied fil-Kapitali.
Il-Christmas Market se jinkludi stands ta’ artiġjanat lokali, ikel tradizzjonali bħall-imbuljuta u l-qastan, kif ukoll dekorazzjonijiet tal-Milied. Se jkun hemm ukoll programm ta’ attivitajiet għall-familji u t-tfal, u spazju speċjali fejn iż-żgħażagħ Beltin jistgħu juru l-kreattività tagħhom permezz tax-xogħol artistiku tagħhom.
Is-Sindku Olaf McKay spjega li din l-edizzjoni tkompli tgħaqqad it-tradizzjoni mal-artiġjanat u l-komunità, u li l-villaġġ tal-Milied fil-Belt huwa ċ-ċentru tal-ispirtu tal-festi fil-Kapitali. Huwa rringrazzja lis-Suq tal-Belt talli ngħaqad f’din l-inizjattiva li ssaħħaħ l-ekonomija lokali u l-kultura Beltija, u semma wkoll is-sehem tal-komunità, fosthom il-kor tad-day centre mmexxi minn Nancy Milesis Romano.
Min-naħa tagħhom, il-Management tas-Suq tal-Belt qalu li huma kburin li qed ikunu parti minn attività li tressaq lin-nies flimkien f’atmosfera ta’ ferħ u tradizzjoni, u li l-Christmas Market sar wieħed mill-avvenimenti l-aktar mistennija fil-qalba tal-Kapitali.
Din l-inizjattiva tfakkar fl-impenn tal-Kunsill Lokali biex jippromwovi t-turiżmu sostenibbli, isaħħaħ l-identità kulturali u soċjali tal-Belt Valletta, u jħares il-wirt storiku tagħha.











