Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, nieda uffiċjalment Skema Ġdida ta’ Fondi għall-Għaqdiet Kulturali taż-Żgħażagħ Parteċipi fil-Karnival 2026.
L-iskema għandha l-għan li tissaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fil-festi annwali tal-Karnival, filwaqt li tippromwovi kreattività, identità kulturali u espressjoni artistika li tkun kemm inklussiva kif ukoll innovattiva.
Il-fondi allokati għal din l-edizzjoni jammontaw għal €160,000, li se joffru appoġġ dirett lill-għaqdiet kulturali u lill-gruppi taż-żgħażagħ li ser jieħdu sehem fil-Karnival 2026. Din l-inizjattiva ser tiffaċilita l-produzzjoni ta’ kostumi, żfin, mużika u elementi artistiċi oħra relatati, filwaqt li toħloq aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ ikunu parti mill-wirja nazzjonali tal-Karnival.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva l-iskema bħala mekkaniżmu essenzjali biex tkompli tinbena l-identità kulturali ta’ pajjiżna permezz ta’ waħda mill-iktar espressjonijiet artistiċi popolari. Huwa sostna:
“Din l-iskema mhijiex biss investiment fil-kreattività, iżda wkoll fl-istorja u l-wirt ħaj tan-nazzjon tagħna. Qegħdin nagħtu spazju lit-talent lokali biex jesprimi ruħu, filwaqt li nsaħħu l-għarfien u l-apprezzament tal-kultura Maltija fost il-ġenerazzjonijiet kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq li din l-iskema hija pass ieħor biex il-Karnival jibqa’ ċentru ta’ innovazzjoni u espressjoni artistika. Huwa żied jgħid:
“Il-Karnival ilu għal ġenerazzjonijiet, iżda l-ispirtu tiegħu jibqa’ ħaj meta nagħtu appoġġ lil dawk li jagħmluh possibbli – speċjalment liż-żgħażagħ. Din l-iskema hija investiment fil-kreattività tagħhom, fl-identità kulturali tagħna u fil-futur ta’ dan l-avveniment li jgħaqqad lil kulħadd.”
Sabiex tiġi żgurata trasparenza u ġestjoni effettiva, se jinħatar Bord ta’ Valutazzjoni li jamministra u jevalwa l-applikazzjonijiet skont kriterji u linji gwida stabbiliti. Dan il-bord se jassigura li l-fondi jiġu investiti f’proġetti li joffru valur kulturali, artistiku u komunitarju.
L-applikazzjonijiet jistgħu jitressqu minn gruppi u għaqdiet taż-żgħażagħ li ser jipparteċipaw fil-Karnival 2026. Festivals Malta se tkun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet sa tmiem is-sena kurrenti, u se tikkuntattja l-għaqdiet kollha kkonċernati għal aktar informazzjoni.









