Wara r-riżultat pożittiv ħafna tal-programm Milied f’Għawdex, tħabbar uffiċjalment Inħobbok Valentine’s in Gozo 2026, li se jkun fost l-ewwel inizjattivi ta’ din is-sena. Il-programm se jittella’ bejn il-31 ta’ Jannar u l-14 ta’ Frar 2026 u jinkludi sensiela ta’ attivitajiet mifruxa f’diversi lokalitajiet Għawdxin.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, spjega li dan il-programm jibni fuq is-suċċess rekord miksub matul il-perjodu tal-Milied u jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern biex jiżdied it-turiżmu f’xhur li tradizzjonalment kienu aktar kwieti. Huwa sostna li dawn l-inizjattivi qed jagħmlu lil Għawdex destinazzjoni ta’ kull staġun, skont il-viżjoni tal-istrateġija Għawdex Gżira ta’ Villaġġi.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Valentinu, li llum saru parti mill-identità ta’ Għawdex, se jibdew bil-kunċert popolari Għawdex #Inħobbok, din is-sena bi spettaklu minn The Travellers. Il-programm se jkompli b’għadd ta’ attivitajiet kulturali li jiċċelebraw l-imħabba fil-forom differenti tagħha.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li l-attivitajiet huma maħsuba għal kulħadd – koppji, familji u gruppi ta’ ħbieb – u għandhom l-għan li jqajmu l-ħajja fil-pjazez u fit-toroq tal-irħula Għawdxin. Fost l-attivitajiet se jkun hemm kunċerti, swieq tal-artiġjanat, esperjenzi gastronomiċi u inizjattivi oħra fil-villaġġi, kollha mmirati biex joħolqu esperjenzi sbieħ u memorji pożittivi għal min jattendi.
Huwa fakkar ukoll fl-investiment kontinwu li sar biex jissaħħaħ il-kalendarju kulturali ta’ Għawdex u biex l-artisti lokali jingħataw pjattaforma awtentika. F’dan il-kuntest, semma l-fatt li r-Rabat, il-belt kapitali ta’ Għawdex, intgħażlet fil-lista finali għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031, bħala rikonoxximent tat-talent u l-ħidma tal-komunità kreattiva Għawdxija.
Fl-aħħar nett, il-Ministru Camilleri stieden lill-pubbliku jżur Għawdex u jgawdi s-sbuħija, il-kreattività u l-esperjenzi uniċi li l-gżira toffri matul dan il-perjodu speċjali.
Aktar informazzjoni tinsab fuq: http://eventsingozo.com/valentines-in-gozo-2026
Ritratt: MGP








