Malta għamlet pass ieħor importanti biex tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, billi ppreżentat formalment dossier ġdid ta’ nomina bit-titlu “Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann”.
Id-dossier ġie ppreżentat personalment mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO, Monsinjur Vella Gauci, flimkien mal-attaché tekniku tad-delegazzjoni permanenti ta’ Malta, Mariah Zammit, u Dr Anthony Pace.
In-nomina tinkludi numru ta’ siti fortifikati ewlenin, fosthom il-Belt Valletta li diġà hija rikonoxxuta mill-UNESCO, il-fortifikazzjonijiet tal-Port ta’ Marsamxett u tal-Port il-Kbir, il-Linji ta’ Santa Margerita u tal-Kottonera, kif ukoll l-Imdina u ċ-Ċittadella ta’ Għawdex.
Il-proposta tressaq argument qawwi dwar il-Valur Universali Eċċezzjonali ta’ dawn il-fortifikazzjonijiet, li issa se jiġu evalwati mill-Kumitat tal-Wirt Dinji magħmul minn 21 membru. Jekk in-nomina tintlaqa’, dawn is-siti jingħaqdu mal-Belt Valletta bħala parti minn proprjetà estiża tal-Wirt Dinji, fuq l-istess mudell ta’ kif siti oħra bħal Ħaġar Qim, Mnajdra, Tarxien u Skorba ġew miżjuda mal-iskrizzjoni ta’ Ġgantija.
Id-dokument huwa sostnut minn ħidma teknika estensiva minn diversi entitajiet nazzjonali tal-wirt, fosthom is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, id-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni, Heritage Malta, l-Awtorità tal-Ippjanar, il-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta, kif ukoll numru ta’ stakeholders oħra.
Ritratt: culture-malta.org








