Madwar 140 anzjan u anzjana nġabru flimkien ġewwa San Vinċenz de Paul għat-tieni edizzjoni tal-inizjattiva ‘Ikla bi Mħabba’, attività li tkompli toħloq mumenti ta’ ferħ u għaqda kemm għar-residenti ta’ din l-istituzzjoni kif ukoll għal anzjani minn residenzi oħra.
Din l-inizjattiva, imnedija minn Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, reġgħet ġiet organizzata fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu bil-għan li twassal messaġġ ċar ta’ mħabba, rispett u solidarjetà – speċjalment ma’ dawk li xi drabi jistgħu jħossuhom waħedhom. L-attività saħqet fuq l-importanza li nibqgħu qrib xulxin, b’mod partikolari fil-mumenti ta’ solitudni.
Bħalma sar fl-ewwel edizzjoni, Dr Abela ngħaqdet ma’ erba’ parteċipanti ewlenin mill-programm MasterChef Malta – Andrew Debattista, Leigh Spiteri Chircop, Francesco Sultana u Antoine Micallef – li flimkien mal-maniġment u l-ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paul ħejjew ikla speċjali maħsuba apposta biex titgawda mill-anzjani preżenti.
L-atmosfera kienet waħda ferrieħa u mimlija ħeġġa, imżejna b’divertiment mużikali minn Glen Vella, Tiziana Calleja, Sarah Bonnici u Jasmine Abela, li żiedu mal-ispirtu sabiħ tal-okkażjoni.
Fil-messaġġ tagħha, Dr Abela enfasizzat kemm hu importanti li nkomplu nuru l-apprezzament tagħna lejn l-anzjani u rrimarkat li s-solidarjetà interġenerazzjonali għandha tibqa’ valur fundamentali fis-soċjetà Maltija. Hija sostniet li permezz ta’ din l-inizjattiva qed jinħolqu mumenti ta’ ferħ fost dawk l-aktar vulnerabbli, filwaqt li jintbagħat messaġġ ċar li rridu nieħdu ħsieb lil xulxin.
L-anzjani preżenti esprimew sodisfazzjon u gratitudni għal din l-esperjenza, li għal ħafna minnhom kienet opportunità sabiħa biex jiltaqgħu, jaqsmu mumenti ta’ ferħ u jħossuhom apprezzati.
Ritratti: OPM












