Dalgħodu rritornaw f’Malta 187 ċittadin Malti li kienu jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda, wara titjira speċjali organizzata mill-Gvern sabiex dawn ikunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom b’mod sigur.
Din it-titjira saret wara li diversi Maltin li kienu fil-Lvant Nofsani spiċċaw f’sitwazzjoni diffiċli minħabba l-eskalazzjoni militari fir-reġjun. It-tensjonijiet u l-attakki fil-Golf Għarbi wasslu biex xi ajruporti u spazji tal-ajru jingħalqu jew joperaw b’mod limitat, u b’hekk ħafna vjaġġaturi ma setgħux ikomplu l-vjaġġ tagħhom lura lejn Malta.
B’kollox aktar minn 200 ċittadin Malti fil-Lvant Nofsani kkuntattjaw lid-Direttorat Konsulari biex jitolbu assistenza, bil-maġġoranza tagħhom jinsabu fl-Emirati Għarab Magħquda.
Fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-ispiża ta’ din it-titjira speċjali mhux se tkun imġarrba mill-familji affettwati, iżda se tiġi koperta kompletament mill-Gvern Malti. Dan sabiex dawk il-Maltin li xtaqu jirritornaw lejn pajjiżhom ikunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr piż finanzjarju.
Huwa spjega wkoll li din l-operazzjoni setgħet issir grazzi għall-koordinazzjoni tad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, flimkien mas-Segretarju Permanenti Christopher Cutajar u l-ħaddiema tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, kif ukoll l-ambaxxati u s-servizzi konsulari Maltin fir-reġjun.
Sadanittant, il-Ministru Ian Borg irringrazzja lil kull min ta sehmu biex din l-operazzjoni tirnexxi, u tenna li l-prijorità tal-Gvern tibqa’ s-sigurtà taċ-ċittadini Maltin kull fejn jinsabu fid-dinja.








