‘Lejl Imkebbes’ se jerġa’ jdawwal iċ-Ċittadella b’atmosfera maġika meta jirritorna għall-ħames edizzjoni tiegħu nhar is-Sibt 28 ta’ Marzu 2026, mis-6pm ’il quddiem.
Dan il-festival annwali, organizzat b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, se joffri esperjenza unika għal kull min jattendi. Iċ-Ċittadella se tinbidel f’ambjent spettakolari b’eluf ta’ xemgħat u madwar 500 metru kwadru ta’ installazzjonijiet artistiċi mxerrdin madwar is-sit, flimkien ma’ dekorazzjonijiet u attrazzjonijiet ġodda li jkomplu jsaħħu l-esperjenza.
Il-Ministru Clint Camilleri enfasizza li dan l-avveniment mhux biss joħloq atmosfera maġika, iżda jkompli jsaħħaħ lil Għawdex bħala destinazzjoni kulturali u turistika matul is-sena kollha, filwaqt li jattira eluf ta’ viżitaturi kemm lokali kif ukoll barranin.
Matul il-lejl se jkunu organizzati diversi attivitajiet għal kulħadd, fosthom reenactments storiċi u tradizzjonali, dħul bla ħlas fil-mużewijiet, ftuħ ta’ siti storiċi, mużika u attivitajiet għat-tfal. Fil-foss taċ-Ċittadella se jkun hemm ukoll stands tal-ikel b’għażla wiesgħa ta’ platti Maltin u internazzjonali.
Fost l-aktar attrazzjonijiet mistennija din is-sena hemm esperjenza immersiva ġdida ta’ projection mapping li tfakkar il-475 anniversarju mill-invażjoni ta’ Għawdex tal-1551. Il-pjazza tal-Katidral se tinbidel f’wirja dinamika ta’ dawl u ħoss li tirrakkonta storja importanti mill-passat tal-gżira, u li se tintwera kull 15-il minuta tul il-lejl.
Id-dħul għall-attività huwa bla ħlas, u se jkun hemm ukoll servizz ta’ trasport b’xejn minn u lejn l-Imġarr, biex aktar nies ikunu jistgħu jattendu għal din il-lejla speċjali.








