L-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi kompliet tissaħħaħ il-ħidma tagħha favur il-komunitajiet lokali, hekk kif matul l-ewwel sitt xhur tal-2026 wettqet xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni f’19-il lokalità madwar Malta. Dawn l-interventi inkludew 14-il ġnien, spazju rikreattiv u playing field li ngħataw dehra aktar moderna u aċċessibbli.
L-aġġornament ingħata waqt żjara tal-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, fi Ġnien iċ-Ċrieki fiż-Żejtun, fejn bħalissa għaddejjin l-aħħar fażijiet ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ.
Fost il-lokalitajiet li bbenefikaw minn dawn l-interventi hemm l-Imtarfa, il-Gżira, Ħal Lija, Santa Luċija, Raħal Ġdid, Birkirkara, Ħal Tarxien, Ħaż-Żebbuġ, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema u Ħal Balzan. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu manutenzjoni ta’ ġonna u spazji miftuħa, tiswijiet fuq strutturi eżistenti u titjib fl-infrastruttura urbana.
Il-Ministru Zerafa Civelli sostniet li dawn il-proġetti jirriflettu l-impenn tal-Gvern biex ikompli jinvesti fl-ispazji pubbliċi u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Hija qalet li investimenti bħal dawn qed joħolqu ambjenti aktar siguri, nodfa u attraenti fejn il-komunitajiet jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Dennis Vella, spjega li f’Ġnien iċ-Ċrieki fiż-Żejtun saru diversi interventi fosthom tiswijiet fil-ħitan, xogħlijiet ta’ kisi u żebgħa, manutenzjoni tal-art kif ukoll tiswijiet fuq il-bankijiet, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
Is-Sindku taż-Żejtun, Joan Agius, qalet li dawn l-interventi huma parti minn ħidma usa’ bejn il-Kunsill Lokali u l-Aġenzija biex jinħolqu spazji miftuħa aktar akkoljenti u adattati għall-familji u r-residenti.
Barra mill-manutenzjoni tal-ġonna u l-ispazji pubbliċi, l-Aġenzija kompliet tappoġġja wkoll attivitajiet soċjali u kulturali madwar il-pajjiż permezz ta’ servizzi ta’ trasport, armar u żarmar ta’ stalls. Matul l-istess perjodu dawn is-servizzi ngħataw f’33 lokalità differenti.
Iċ-ċifri juru l-firxa tal-ħidma mwettqa bejn Jannar u Mejju 2026, b’manutenzjoni fuq 341 bank, 28 arblu tad-dawl, 27 planter, aktar minn 9,200 metru ta’ elementi ta’ tisbiħ urban u aktar minn 2,100 metru ta’ railings. Saru wkoll interventi fuq 98 struttura oħra, fosthom sinjali, mirja, bollards u bins. Barra minn hekk, ġew ipprovduti 653 bankarella għal attivitajiet organizzati minn kunsilli lokali u għaqdiet fil-komunità.











