Kien ‘lockdown’ iżjed ħarex!
Illum qed jissejjaħ ‘lockdown’ imma aktar minn 200 sena ilu; eżattament fl-1813 kien jisejjaħ ‘Curfew’. Curfew kien ħin stipulat mill-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien, jiġifieri l-Ingliżi f’Malta fejn il-poplu kellu jkun ġo daru.
Kienu jsiru rondi apposta mis-suldati u jekk jinqabad xi ħadd barra kien jittella’ quddiem il-Gvernatur għal tbeżbiża. Il-Pesta tal-1813 daħlet f’Malta minħabba li diversi bastimenti kienu jsorġu fil-portijiet tagħna. Bastiment Malti daħal lura minn Lixandra (l-Eġittu); liema port kien infettat. Fil-fatt, minn tnax mill-membri tal-bastiment laħqu mietu tnejn bil-pesta sakemm wasal Malta. Wieħed mill-vittmi jingħad li kellu bħal tumur iswed f’għonqu. Peress li meta wasal Malta, il-kaptan u l-membri tal-ekwipaġġ dehru b’saħħithom, ingħatalhom il-permess li jinżlu l-art u jmorru l-Lazzarett fil-kwarantina. Qabel, qaxxru xagħarhom, inħaslu fl-ilma baħar u tlaħalħu bilħall skont kif kienet tgħid il-liġi, waqt li ħallew ħwejjiġhom abbord. Iżda ġara li fl-1 ta’ April, il-kaptan ħass uġigħ ta’ ras u fuqu dehru sintomi tal-pesta u miet ġurnata u nofs wara. L-istess ġralu l-qaddej tiegħu, li bħalu kien Malti. Għaldaqstant ġew midfunin ħdejn il-Lazzaret fuq il-Gżira Manoel.
Il-Gżira Manoel fejn kienet issir il-kwarantina fl-isptar Lazzarett.
Intant kien hemm il-ħsieb li l-brigantin (il-bastiment) jinħaraq jew jiġi mgħarraq, iżda peress li dan kien ifisser li s-sidien kellhom jingħataw kumpens tiegħu, ġie deċiż li minflok jiġi ddiżinfettat u jitħalla jsalpa mill-ġdid lejn l-Eġittu b’ekwipaġġ ġdid, li ngħataw somma flus sabiex jiħduh lura Lixandra. Is-San Nicolò ħalla xtutna fl-10 ta’ April. Issa ġara li ċertu Salvatore Borg, skarpan mill-Belt Valletta, xtara xi drappijiet minn fuq il-brigantin bil-kuntrabandu u ħa l-materjal fid-dar tiegħu, f’Nru. 227, fi Strada San Paolo. Bintu Anna Maria, ta’ tmien snin, ma damitx ma mardet għal għarrieda, tant li mietet fi żmien sitt ijiem fid-19 tax-xahar ta’ April.
Ritratt li juri kif kienet tattakka l-pesta. (ritratt maħluq)
Minn hemm bdiet traġedja sħiħa; il-pesta nfirxet sew. Issa dan qed ngħidu fuq is-sena 1813. Illum, għalkemm nafu x’inhuma l-affarijiet, xorta waħda ssib min hu ta’ rasu u jibqa’ jagħmel li fettillu bla ebda prekawzzjoni u wisq aktar, rispett lejn ħaddieħor. Kif taraw anke għar-ribgħa tal-flus (kuntrabandu), issib min lest jitlef kollox; f’dan il-każ lit-tifla tiegħu. J’Alla l-istorja tgħallimna imma kultant intuha raġun u kif jgħidu l-Ingliżi stess: History repeats itself! F’idejna!
Il-Ġurdien Buboniku li kien iġorr il-briegħed fuqu tal-pesta.
Nota: L-informazzjoni nkitbet flimkien ma’ informazzjoni oħra li kienet inkitbet diġà minn Eman Bonnici fil-ktejjeb tal-festa tal-Għaqda Każin Banda San Filep fl-2015. Napprezzaw li ma tiddejqux tagħmlu kuntatt magħna biex naqsmu t-tagħrif kemm jista’ jkun preċiż fuq ġrajjiet passati, biex inżommu l-istorja tagħna eżatt kif ġrat. L-iskop huwa wkoll li ninvolvu lilkom il-pubbliku għaliex wara kollox dan is-sit inħoloq biex ikun utli għal kulħadd.
Ritratti: The Rise and Fall of the Callus Fortunes- Plague of Malta 1813