Għall-erbgħa ta’ wara nofsinhar tal-Ħadd, 16 ta’ Ottubru 1785, il-kappillan Don Francesco Maria Xuereb wasal fil-pjazza taż-Żejtun biex jidħol fil-knisja. Iżda madwar 700 mara kienu nqabdu ġewwa l-knisja biex ma jħalluhx jidħol. Fl-istess waqt, żwieġhom inġabru quddiem id-dar tal-kappillan sabiex lanqas hemmhekk ma jħalluh jidħol.
Xuereb kien ilu maħtur kappillan taż-Żejtun sa mill-1769, iżda wara ftit xhur faqqgħet gwerra bejnu u ż-Żwieten. L-Isqof Vincenzo Labini kien ipprova jikkonvinċih biex ma jmurx iż-Żejtun dak il-Ħadd, 16 ta’ Ottubru 1785. Ftit jiem qabel kien bagħat għal xi qassisin miż-Żejtun biex jikkalmaw lill-parruċċani, iżda dawn qalulu ċar li għalxejn jippruvaw: in-nies żgur ma kinux se jħalluh jidħol fil-knisja. In-nies kienu jħossu li l-knisja kienet tagħhom, għax bnewha huma u ħadu ħsiebha b’ħafna sagrifiċċji.
Imma l-kappillan Xuereb webbes rasu u, flimkien mal-Markiz Carlo Antonio Barbaro, rikeb il-karozzin mill-Belt Valletta u telqu lejn iż-Żejtun. Il-folla li sabu tistennihom ħasdithom, u anki l-kappillan beda jibża’. Il-Markiz qallu: “Aħjar immorru lura minn fejn ġejna.” Iżda l-folla bdiet tgħajjat aktar u żdied it-tisfir. Kien hemm ukoll min waddab il-ġebel lejn il-karozzin, li fl-aħħar dar lura lejn il-Belt Valletta.
Gwerra bejniethom
Fid-19 ta’ Ottubru 1785 il-Gran Mastru De Rohan ħareġ bandu li fih ordna li, fi żmien erbat ijiem, kull min kien jaf lil dawk li ma ħallewx lill-kappillan Xuereb jidħol il-knisja kellu jirrapportahom. Għadda t-23 ta’ Ottubru u ħadd ma rrapporta lil ħadd. Il-Gran Mastru De Rohan fehem li ma kienx għaqli jibgħat lis-suldati jarrestaw lil xi Żwieten.
Fit-28 ta’ Jannar 1786 l-Isqof Labini mar iż-Żejtun. Malli wasal fil-pjazza, mxiet il-kelma u nġabru n-nies, speċjalment in-nisa, u dawru l-karozzin tiegħu. Beda l-għajat: “Ma rriduhx lill-kappillan! Ma rriduhx!” Huma ħasbu li fil-karozzin mal-isqof kien hemm il-kappillan Xuereb. L-għajat irrabjat kompla, u l-isqof bagħat għas-sindku taż-Żejtun biex jikkalma lin-nies. Iżda n-nies ma kkalmawx, u l-isqof iddeċieda li jtemm iż-żjara.
Sa mid-19 ta’ Awwissu 1770 kienet faqqgħet gwerra bejn il-Konfraternità tas-Sagrament taż-Żejtun u l-kappillan Xuereb. Xuereb ried imexxi hu: mhux biss għax ried dejjem tgħaddi tiegħu u ma jimpurtahx x’jgħidu dawk ta’ taħtu, iżda wkoll għax, skont il-Konċilju ta’ Trento (1545–1563) u l-Kostituzzjoni Quaecumque tal-Papa Klement VIII tal-1604, il-konfraternitajiet ma kellhomx jibqgħu jitmexxew mill-fratelli nfushom, imma jaqgħu taħt l-awtorità tal-isqfijiet u l-kappillani. Dan kollu jinsab f’Parish Priest and Confraternity: Church of St Catherine’s in Zejtun, Malta, 1769–1801 ta’ Frans Ciappara (2012).
Għaqdiet tan-nies ta’ taħt
Wara li nħatar kappillan, Xuereb beda jiddeċiedi hu, u mhux iżjed il-konfraternità, dwar min jagħmel il-priedki, il-ħlas għalihom, u meta u kif jindaqqu l-qniepen. Meta kellu xi vjatku, kien jagħti lill-fratelli triq oħra minn fejn kien sejjer biex ma jakkumpanjawhx. Ma riedx ibierek l-oqbra tal-fratelli u ried jikkontrolla flushom.
Tant qala’ nkwiet fiż-Żejtun li l-isqof issospendih fit-12 ta’ Mejju 1775. Fl-14 ta’ Ġunju żammuh arrestat fil-ħabs tiegħu wara li, kontra l-ordni, ħareġ mill-kunvent tal-Belt fejn kienu bagħtuh. Il-konfraternitajiet ma kinux għaqdiet reliġjużi biss: kienu wkoll għaqdiet tan-nies ta’ taħt biex jgħinu lil xulxin fil-mard u fil-mewt, u biex jiddefendu ruħhom minn dawk ta’ fuq.
Fl-1780 l-awtoritajiet f’Ruma lliberaw lill-kappillan Xuereb minn kull akkuża li kienet tressqet kontrih. Iżda xorta waħda ż-Żwieten ma aċċettawhx lura. Biex terġa’ taqa’ l-kalma, inħatar Don Giacomo Tortella fit-12 ta’ Jannar 1787 bħala assistent kappillan. Hu kien maħbub ħafna wara li serva 30 sena bħala kappillan tal-Imqabba. Tortella nħatar kappillan taż-Żejtun fl-1802, wara li Xuereb miet Ruma fil-25 ta’ Novembru 1801.
Riċerka u kitba ta’ Evarist Bartolo








