Propju bħal-lum, 451 sena ilu, Ħ’Attard kiseb pass importanti fl-istorja tiegħu meta ġiet imwaqqfa uffiċjalment il-parroċċa; mument li baqa’ mnaqqax fil-memorja kollettiva tal-komunità.
Disgħa snin wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, fl-1574 il-Papa bagħat lil Monsinjur Taljan Pietro Dusina fuq Vista Appostolika f’Malta. Il-missjoni tiegħu kienet li jistħarreġ ir-relazzjonijiet bejn l-Isqof ta’ Malta u l-Ordni ta’ San Ġwann, kif ukoll li jassigura li r-riformi tal-Konċilju ta’ Trentu kienu qed jiġu implimentati kif suppost.
Matul iż-żjara tiegħu, Dusina żar il-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex. F’dak iż-żmien, Ħ’Attard kien għadu raħal żgħir b’popolazzjoni ta’ madwar 665 ruħ, u kien jagħmel parti mill-Parroċċa ta’ Birkirkara. Madankollu, il-komunità kienet diġà qed tikber u tħoss il-ħtieġa ta’ identità parrokkjali tagħha.
Fit-30 ta’ Jannar 1575, waqt li kien għaddej mir-Rabat lejn Birkirkara, Mons. Dusina waqaf jagħmel vista fil-Knisja ta’ Santa Marija Assunta f’Ħ’Attard; knisja li x’aktarx kienet differenti minn dik li naraw illum. Kien propju f’din il-viżta li r-residenti ta’ Ħ’Attard esprimew ix-xewqa tagħhom li jinqatgħu minn Birkirkara u jsiru parroċċa għal rashom.
Din ix-xewqa ma damitx ma saret realtà. Id-digriet tal-firda ġie mfassal minn Mons. Dusina nnifsu, u fis-26 ta’ Marzu 1575 ġie ffirmat kuntratt uffiċjali għand in-nutar Ġuljanu Briffa, li b’hekk ta bidu formali għall-Parroċċa ta’ Ħ’Attard.
Illum, wara aktar minn erba’ sekli u nofs, din il-ġrajja tibqa’ simbolu ta’ għaqda, fidi u identità għall-poplu Attard. Festa mhux biss reliġjuża, iżda wkoll storika li tfakkar minn fejn beda kollox.
Ritratt: Wikipedia








