Matul is-snin, għadd ta’ xandara, fil-programmi tagħhom dwar il-lingwa Maltija, ippreżentaw il-Malti bħala lsien li għandu jaffaxxinana minħabba l-istorja tiegħu, l-etimoloġija ta’ kliemu, u l-modijiet kważi xjentifiċi ta’ kif għandek tiktbu. L-eċċezzjonijiet jeżistu, imma l-ħsieb li l-ilsien Malti huwa suġġett tal-istudju, altru milli ħaġa ħajja li ngħixuha u ngħajxuha kuljum, donnu baqa’ prevalenti. Mhux għax mhuwiex aspett importanti, imma dan il-qafas ta’ ħsieb ma jagħtix stampa sħiħa ta’ x’inhu l-Malti.
Meta ngħatajt l-opportunità li nibda nipproduċi u nippreżenta programm ġdid fuq RTK103, dan kien l-ewwel ħsieb li ġie f’moħħi. Ridt nippreżenta l-Malti b’mod relatabbli u żagħżugħ, għaliex il-lingwa fil-fatt għadha żagħżugħa ħafna. Xtaqt ukoll inneħħi minn imħuħ in-nies l-idea li l-Malti “qed imut” jew qiegħed f’xi periklu li jintilef fiż-żmien li ġej. Dan kollu wassal għall-programm Top il-Full.
Kull ġimgħa, nistieden lil xi ħadd, jew lil xi wħud, biex magħhom niddiskuti qasam soċjali partikolari — ngħidu aħna l-edukazzjoni, in-negozju, is-saħħa, l-arti, u l-politika, fost oħrajn — u r-rabta ta’ dak il-qasam mal-Malti. L-idea hi li nagħti leħen mhux biss lill-akkademiċi li jistudjaw il-Malti, imma wkoll lill-bniedem komuni jew lill-professjonist li l-Malti jgħożżu u jużah fil-karriera tiegħu, fir-relazzjonijiet tiegħu, u l-bqija.
Apparti nies li jafu l-Malti u jużawh, nixtieq nifhem ukoll għalfejn hawn nies li joqogħdu lura milli jużaw il-Malti fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum jew f’kuntesti partikolari. B’hekk forsi nifhmu wkoll ir-realtajiet differenti li l-ilsien Malti qed jeżisti fihom ħalli nitgħallmu nifhmu wkoll iktar lil xulxin.
Ir-realtà la hi sewda u lanqas bajda. Il-lingwa teżisti f’dak il-griż ta’ bejniethom, l-istess spazju li neżistu fih kollha kemm aħna.
Naħseb li l-għarfien tal-lingwa nattiva huwa ċ-ċavetta ewlenija għas-suċċess ta’ kull individwu, għaliex qabel ma nibdew nifhmu l-kumplament tad-dinja, l-ewwel irridu nifhmu lilna nfusna. Malli nifhmu lilna nfusna, jirnexxielna nifhmu d-dinja lil hinn minna biex dak li nitgħallmu minnha nkunu nistgħu nħaddnuh aħjar.
Il-programm Top il-Full jixxandar fuq RTK103 kull nhar ta’ Ħamis fis-1:30 PM, b’repetizzjoni s-Sibt fis-7:30 PM. Tistgħu ssegwuh ukoll fuq YouTube (bil-filmat) u fuq Spotify.
Għal iktar informazzjoni dwar dan il-programm, tistgħu żżuru bradleycachia.mt/topilfull.
Minn Bradley Cachia.











