Inawgurat il-proġett ‘The New Light: Illuminating the Sacred’, li qed idaħħal sistema ta’ dawl moderna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €400,000. Minkejja li kien lest biss 60% tal-proġett, il-konsum tal-enerġija diġà naqas b’aktar minn nofs, u b’hekk qed jissaħħu l-effiċjenza enerġetika u tnaqqsu l-ispejjeż operattivi.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan il-proġett juri l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi s-sostenibbiltà fil-qasam kulturali, filwaqt li jkompli jippreserva u jtejjeb il-wirt artistiku u storiku tal-pajjiż. Huwa saħaq li ‘The New Light: Illuminating the Sacred’ mhuwiex biss proġett ta’ modernizzazzjoni teknoloġika, iżda wkoll pass ieħor biex il-Konkatidral jibqa’ ġawhra ta’ kultura, arti u spiritwalità li tispira lil kull min iżurha.
Il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Kurunell Mark Mallia, iddeskriva l-proġett bħala xhieda ta’ investiment għaqli fil-wirt artistiku u spiritwali ta’ Malta. Huwa sostna li din l-inizjattiva mhux biss ittejjeb l-esperjenza kulturali, iżda turi viżjoni ċara li l-arti, il-fidi u l-identità Maltija għandhom jimxu id f’id mal-progress. Il-kampanja ‘Where Light Meets Legacy’, spjega, tirrifletti eżattament dan il-bilanċ bejn il-passat u l-futur.
Il-proġett mistenni jwassal għal tnaqqis ta’ madwar 60 unit ta’ elettriku kuljum, li jfisser tnaqqis fl-ispejjeż ta’ madwar €3,600 fis-sena. L-għan hu li dan jitla’ għal 80 unit kuljum, li jlaħħaq madwar €8,000 fi ffrankar annwali. Barra minn hekk, is-sistema ġdida tagħmel il-pitturi, l-istatwi u d-dettalji arkitettoniċi aktar viżibbli, filwaqt li tippreserva l-atmosfera ta’ serenità u qima li tiddistingwi dan il-post sagru.
Is-sistema tippermetti wkoll livell ogħla ta’ flessibbiltà, li jħalli lill-Konkatidral jadatta l-illuminazzjoni skont il-bżonnijiet liturġiċi, kulturali u edukattivi b’mod effiċjenti u rispettus lejn l-ambjent.
Ritratti: MCLG











