Festa Ċitru ta’ din is-sena se tittella’ nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar fil-Palazz ta’ Sant’Anton, u se terġa’ toffri lill-familji l-opportunità li jakkwistaw frott taċ-ċitru frisk, maqtugħ direttament mill-ġonna storiċi tal-istess Palazz.
Id-dettalji dwar din l-edizzjoni, li qed issir b’risq il-Malta Community Chest Fund (MCCF), tħabbru waqt attività indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono. Għal din l-okkażjoni attendew ukoll tfal mill-Iskola Primarja Tumas Dingli ta’ Ħ’Attard, parti mill-Kulleġġ San Nikola, u mill-Iskola Primarja ta’ Sant’Iermu fil-Belt Valletta, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
Matul l-attività, it-tfal għenu fl-ippakkjar taċ-ċitru f’boroż, ingħataw larinġ magħsur frisk, daqu diversi prodotti magħmula miċ-ċitru u rċevew ukoll frott biex jieħdu miegħhom id-dar.
Festa Ċitru se tiftaħ fid-9.00 ta’ filgħodu u tibqa’ għaddejja sa kmieni waranofsinhar. Il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn atmosfera ta’ divertiment, iżur diversi stalls u jixtri varjetà ta’ frott taċ-ċitru, fosthom lumi, larinġ u mandolin. Se jkunu disponibbli wkoll kejkijiet, ġamm, ħelu u prodotti oħra magħmula mill-kokijiet tal-kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton, kif ukoll prodotti tradizzjonali u tal-artiġjanat minn esibituri oħra.
Fid-9.30 ta’ filgħodu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil-Kappella Russa tas-seklu 19, kappella storika li tinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Din il-quddiesa se tkun miftuħa għall-pubbliku bħala parti mill-programm ta’ Festa Ċitru.
Din is-sena, Festa Ċitru se toffri wkoll opportunità unika lill-familji biex iżuru s-swali tal-Palazz ta’ Sant’Anton, ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta. Matul il-ġurnata, dawk li jattendu se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’tours iggwidati madwar il-Palazz, fejn jingħataw informazzjoni dwar l-istorja tiegħu u x-xogħol li jsir minnu.
Festa Ċitru hija l-ewwel attività tas-sena fil-kalendarju ta’ avvenimenti b’risq il-Malta Community Chest Fund, bil-pubbliku li jattendi jkun qed jikkontribwixxi biex l-MCCF tkompli bil-missjoni tagħha li toffri għajnuna lil dawk li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.
Ritratti: OPR













