Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-300 sena mill-wasla tal-istatwa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar, il-Banda Vittorja qed torganizza serje ta’ attivitajiet mużikali u artistiċi biex tfakkar din l-okkażjoni speċjali.
Fosthom hemm kunċert mużikali li se jsir nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju 2026 fis-7.30pm fil-Kolleġġjata tan-Naxxar, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Roderick Bugeja. Se jieħu sehem ukoll il-Coro Bel Canto mmexxi mis-Surmast Herman Farrugia Franz, flimkien ma’ diversi solisti u narratur li se jagħtu aktar ħajja lis-serata.
Il-programm jinkludi mużika varjata, fosthom żewġ innijiet ġodda li se jindaqqu għall-ewwel darba. Wieħed minnhom, “L-Ewwel li Emmint”, jiġbor fih elementi marbuta mal-knejjes tan-Naxxar u devozzjoni lejn Marija Bambina, filwaqt li “Inno di Gloria” huwa xogħol b’stil differenti bbażat fuq kitba antika. Se tindaqq ukoll il-kantata “Bi Twelidek Rebbaħtna”, li diġà hija magħrufa fost id-dilettanti tal-mużika sagra.
Minbarra l-kunċert, se tittella’ wkoll Wirja Marjana fis-swali tal-każin tal-banda fi Triq Santa Lucija. Il-ftuħ uffiċjali se jsir nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju 2026 mill-President ta’ Malta, Miriam Spiteri Debono, u l-wirja se tibqa’ miftuħa sal-24 ta’ Mejju.
Dawn l-attivitajiet jagħtu ċans lill-pubbliku jgawdi u japprezza mhux biss il-mużika, iżda wkoll id-devozzjoni u t-tradizzjonijiet li ilhom parti importanti mill-identità kulturali u reliġjuża tan-Naxxar.
Il-kunċert qed jittella’ bl-appoġġ tal-Arts Council Malta u diversi sponsors lokali.















