Evarist Bartolo reġa’ tana informazzjoni interessanti li xtaqna naqsmu magħkom, għaliex hija parti mill-istorja dwar il-mod t’għixien f’pajjiżna fl-imgħoddi. Jikteb hekk:
Fil-11 ta’ Mejju 1545, permezz ta’ kuntratt quddiem in-nutar Giuliano Muscat, inxtrat dar b’żewġ sulari fil-Birgu għall-prezz ta’ 70 dukat tad-deheb — somma għolja ħafna għal dak iż-żmien, li llum tkun ekwivalenti għal madwar €30,000. Il-bini b’aktar minn sular wieħed fil-gżejjer Maltin beda jinfirex bil-wasla tal-Ordni tal-Kavallieri fl-1530.
Madwar ħames mitt sena ilu kien hemm ftit bini li jaqbeż sular wieħed. Meta l-Kavallier Franċiż Jean Quintin d’Autun żar Malta ftit snin qabel, innota li ħafna Maltin lanqas kienu jgħixu f’djar mibnija, iżda “kienu jħaffru l-għerien u jgħixu fihom”. Kuntratt li sar quddiem in-nutar Muscat fid-9 ta’ Marzu 1545 isemmi proprjetà magħmula minn binja u għar flimkien, xhieda ta’ dan it-tip ta’ għajxien.
Soqfa tal-qasab
Anki għaxar snin wara ż-żjara ta’ Jean Quintin d’Autun, kien għad hemm djar, anke fil-Birgu, li kellhom soqfa tal-qasab. Madankollu, in-nobbli Nicola Bondino rnexxielu jixtri dar b’soqfa tax-xorok tal-ġebel fid-29 ta’ April 1545 għal prezz ta’ żewġ unċji (fejn unċja kienet tiswa tmien dukati jew tletin tarena). Din l-informazzjoni dwar ix-xiri u l-kiri tad-djar fl-1545 tidher fl-analiżi ta’ Emanuel Buttigieg dwar kuntratti tan-nutar Juliano Muscat (Storja, 2008).
Djar li kellhom bjar u siġar magħhom kienu, naturalment, jiswew aktar. Fir-Rabat u fil-Kastell ta’ Għawdex, ħafna djar kienu jinkludu wkoll biċċa art, bħal dawk imniżżla f’kuntratti quddiem in-nutar Muscat fis-26 ta’ Frar u fl-4 u s-6 ta’ Marzu 1545.
Ix-xiri jew il-kiri ta’ parti minn dar
Dawk li ma kellhomx biżżejjed mezzi biex jixtru dar sħiħa għall-familja kienu spiss jixtru jew jikru parti minn dar ta’ ħaddieħor. Fis-26 ta’ Frar 1545, Margerita Burg u żewġha Thomasu Falzon biegħu kamra mid-dar tagħhom lil Joanna Mifsud għall-prezz ta’ 18-il tarena. Fit-28 ta’ Frar 1545, Matheo Haius mir-Rabat kera nofs dar mingħand Josepho Sillato għal tmien tareni fis-sena, filwaqt li n-nofs l-ieħor kien mikri lil Pietro Vaccaro u martu Clara.
Bil-wasla tal-Kavallieri, l-Imdina tilfet parti mill-importanza tagħha minħabba li kienet ’il bogħod mill-Port il-Kbir. Il-Birgu, min-naħa l-oħra, sar iċ-ċentru navali u amministrattiv tal-Ordni. Dan biddel il-mappa urbana ta’ Malta, hekk kif il-Birgu u l-inħawi ta’ madwaru kibru b’mod mgħaġġel, tant li l-bini ma laħaqx mat-talba tan-nies li kienu jfittxu fejn joqogħdu.
Irħula ġodda u oħrajn abbandunati
Wara l-1541, il-Gran Mastru Claude de La Sengle bena’ l-Isla, l-ewwel belt moderna f’Malta, ippjanata b’toroq dritti u b’disinn ġenerali, kuntrarju għat-toroq dojoq u mdawra tal-irħula medjevali. George A. Said Zammit, fl-istudju tiegħu tal-2016 (Archaeopress, Oxford), juri kif żviluppa l-bini fil-pajjiż matul is-sekli.
Il-wasla tal-Ordni fis-soċjetà Maltija serviet bħala difiża kontra l-Ottomani u l-pirati, iżda fl-istess ħin ġibdet aktar attakki, għax l-Ordni kien meqjus bħala theddida. Għalhekk, nies minn irħula faċli biex jintlaħqu mill-baħar, bħall-Mellieħa, abbandunaw l-għerien u d-djar tagħhom u marru joqogħdu aktar qrib l-ibliet imsaħħa bis-swar, fejn setgħu jistkennu mill-invażjonijiet.
L-art abbandunata tilfet il-valur tagħha, filwaqt li żdied il-valur tal-art fejn in-nies bdew jikkonċentraw. L-iskarsezza tal-art u l-abbundanza ta’ min kellu bżonnha żammew il-prezzijiet tal-kera u tax-xiri għoljin, ħlief meta l-awtoritajiet ipprovdew art pubblika, djar jew self b’imgħax baxx lill-familji.
Pittura ta’ Matteo Perez d’Aleccio, magħmula bejn l-1575 u l-1581 fil-Palazz tal-Gran Mastru, tagħti wkoll ħjiel ċar ta’ fejn kien konċentrat il-bini f’gżira li diġà kienet żgħira.








