Evarist Bartolo jtina aktar informazzjoni interessanti anke permezz tas-sit: http://maltagenealogy.com
Ta’ disa’ snin, fl-1132, laħaq Emir ta’ Malta u Għawdex Ħasan Samsam al-Dawla III. Huwa beda jħallas il-ħaraġ lill-Konti Ruġġieri II, l-ewwel Re Normann ta’ Sqallija, li taħtu kienu jaqgħu l-gżejjer tagħna. Il-ħaraġ kien tip ta’ taxxa li l-mexxejja Għarab u Misilmin ta’ Malta qablu li jħallsu lin-Normanni biex jitħallew imexxu u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom. Kien l-iżgħar Emir fl-età li qatt kellha Malta, u kien wiret il-ħatra minn missieru. Fit-tmexxija tiegħu kien megħjun u mmexxi mill-qraba tiegħu.
L-ewwel Emir ta’ Malta u Għawdex kien Ħasan Samsam al-Dawla, li fl-1053 ċeda l-belt ta’ Palermo lin-Normanni. Huwa talab li jiġi Malta mal-familja tiegħu u jitħalla jmexxi lill-gżejjer tagħna bil-kundizzjoni li jħallas il-ħaraġ lin-Normanni. It-talba tiegħu ġiet milqugħa.
Dak iż-żmien, Malta u Għawdex bdew jimtlew b’Misilmin li kienu qed jaħarbu mill-inkwiet u l-ġlied li kien hemm fi Sqallija bejn Emir u ieħor, kif ukoll bejn l-Emiri u n-Normanni. Il-Misilmin li bdew jiġu minn Sqallija mill-1045 ’il quddiem ġabu magħhom ir-reliġjon u l-ilsien tagħhom.
Malta kienet emirat
L-istoriċi ma jaqblux jekk il-gżejjer tagħna tbattlux għal kollox min-nies bejn l-870 u l-1045, jew jekk baqgħetx teżisti xi komunità żgħira ta’ Nsara Biżantini wara li l-Aglabidi rebħu dawn il-gżejjer u ħallewhom fi stat ta’ ħerba, wara li qatlu lil ħafna nies u lil dawk li ħallew ħajjin ġarrewhom bħala lsiera.
Li hu żgur hu li wara l-1045, l-ilsien, ir-reliġjon u l-ħajja tal-popolazzjoni ta’ dawn il-gżejjer kienu differenti ħafna minn dawk li għexu hawn qabel l-870.
Is-sit elettroniku “maltagenealogy.com” isemmi li bejn l-1053 u l-1240 kien hemm disa’ Emiri Misilmin imexxu lill-gżejjer tagħna: Ħasan Samsam al-Dawla I (1053–1060), II (1088–1115), III (1132–1188), IV (1195–1233); Jafar IV (1060–1070), V (1070–1088), VI (1115–1132), VII (1119–1195) u l-aħħar wieħed, Jafar VIII (1233–1240). Dan is-sit jipprovdi tagħrif interessanti dwar il-perjodu meta l-gżejjer tagħna kienu emirat.
Baqgħu Misilmin
Fl-1091, l-Emir Ħasan Samsam al-Dawla ċeda Malta u Għawdex lill-Konti Ruġġieru I, li aċċetta li l-Emir jibqa’ jmexxi dawn il-gżejjer sakemm iħallas il-ħaraġ. Qabel ukoll li l-popolazzjoni setgħet tibqa’ tipprattika r-reliġjon Iżlamika. Mis-sekli għaxar sas-seklu tlettax kien hemm ħafna taħlit bejn l-Għarab, in-Normanni u l-Isqallin. Kbarat u familji nobbli minn dawn it-tliet gruppi bdew jiżżewġu bejnithom.
L-Emir Jafar V iżżewweġ lil Cassandra Hauteville, mill-familja rjali Normanna ta’ Sqallija. Jafar VI iżżewweġ mara minn familja nobbli Sqallija. L-Emiri, għalkemm Iżlamiċi, saru alleati tan-Normanni Nsara, anki militarment.
Fil-kitbiet “The ‘Arabs’ in Malta” (Mid-Med Bank Limited Report and Accounts, 1984) u “The Jews of Malta in the Late Middle Ages” (Midsea Books, 1985), Godfrey Wettinger jikteb dwar il-perjodu meta l-Maltin kienu Misilmin wara l-1048. Huwa jispjega li bejn l-1224 u l-1250 il-Misilmin Maltin kellhom jew isiru Nsara jew jiġu eżiljati. Sal-1266 ma baqgħux Misilmin Maltin, ħlief forsi bil-moħbi.








