L-istorja ta’ pajjiż ma tinbeniex biss mill-avvenimenti kbar li nsibu fil-kotba, iżda wkoll minn episodji żgħar li jikxfu kif kienu jgħixu n-nies, x’kienu jemmnu u kif kienu jiġu trattati minn min kellu l-poter.
Nhar it-Tlieta, 19 ta’ Marzu 1901, seħħ inċident li qajjem rabja kbira fost il-Maltin. Kif irrappurtat il-ġurnal Is-Secolo Għoxrin ftit jiem wara, waqt li kien għaddej il-Vjatku minn toroq tal-Belt Valletta, uffiċjal Ingliż fuq iż-żiemel għamel imħatra ma’ sħabu biex jgħaddi minn nofs il-purċissjoni. Mhux biss għamel dan, iżda wara li n-nies ippruvaw iwaqqfuh, baqa’ għaddej qisu ma ġara xejn.
Dak iż-żmien il-Vjatku ma kienx sempliċement ċerimonja reliġjuża. Kien mument sagru li fih il-komunità kollha kienet tingħaqad. In-nies kienu jinżlu għarkopptejhom fit-triq, jistennew fis-skiet u bit-talb il-passaġġ tas-Sagrament. Kien att ta’ fidi, iżda wkoll espressjoni ta’ identità kollettiva.
Għalhekk, dak li ġara ma kienx biss nuqqas ta’ rispett lejn ċelebrazzjoni reliġjuża. Kien sinjal ta’ mentalità kolonjali li kienet tqis lill-poplu Malti bħala suġġett u mhux bħala komunità li jistħoqqilha rispett. Xi uffiċjali Britanniċi kienu jħossuhom ’il fuq mil-liġi u ’l fuq mid-drawwiet tal-poplu li fostu kienu qed jgħixu.
Interessanti li l-ġurnal tal-epoka ma ffokax biss fuq l-uffiċjal li wettaq l-att, iżda wkoll fuq il-kuntistabbli li naqas milli jagħmel dmiru. Il-mistoqsija kienet sempliċi: il-liġi kienet tapplika għal kulħadd jew kien hemm min seta’ jagħmel li jrid mingħajr konsegwenzi?
Dawn l-episodji jgħallmuna li r-rispett lejn kultura, tradizzjoni jew twemmin mhux kwistjoni ta’ reliġjon biss. Huwa kwistjoni ta’ dinjità. Meta persuna jew awtorità turi disprezz lejn dak li hu għażiż għal komunità, tkun qed turi disprezz lejn il-komunità kollha.
Illum il-Vjatku għadu jsir f’xi lokalitajiet Maltin. F’Ħad-Dingli, pereżempju, il-Vjatku Solenni tal-Morda għadu tradizzjoni ħajja li twassal l-Ewkaristija lil dawk li ma jistgħux joħorġu minn djarhom. Il-formi jistgħu jinbidlu maż-żmien, iżda l-valuri ta’ solidarjetà, rispett u qrubija lejn min hu vulnerabbli jibqgħu l-istess.
Meta nħarsu lura lejn ġrajjiet bħal dik tal-1901, ma nagħmluhiex biex inżommu l-mibegħda lejn ħadd. Nagħmluha biex nifhmu aħjar il-mixja tagħna bħala poplu. L-istorja tfakkarna kemm hu importanti li l-poter ikun akkumpanjat mill-umiltà, u kemm ir-rispett lejn l-oħrajn jibqa’ l-pedament ta’ kull soċjetà ċivilizzata.
Saħħa u sliem.
Minn Evarist Bartolo








