Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, qed jirrappreżenta lil Malta f’għadd ta’ laqgħat u impenji ta’ livell għoli fit-80 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York. Permezz ta’ dawn l-interventi, Malta qed terġa’ tikkonferma l-impenn tagħha favur il-paċi, l-ugwaljanza u l-kooperazzjoni multilaterali.
Borg qal li din il-ġimgħa hi l-aktar waħda importanti fil-kalendarju diplomatiku globali, b’mument storiku meta l-Prim Ministru ta’ Malta rrikonoxxa formalment l-Istat tal-Palestina.
Id-delegazzjoni Maltija qed tipparteċipa f’diversi avvenimenti, fosthom bħala President tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), fejn Dr Borg mexxa l-70 laqgħa u ppreżenta r-rapport tiegħu fil-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth (CFAMM). Huwa tenna li Malta qed tkompli tħaddem rwol attiv biex issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-valuri demokratiċi fil-Commonwealth.
Filwaqt li indirizza konferenza li fakkret it-30 anniversarju tar-Raba’ Konferenza Dinjija tan-Nisa, Borg fakkar fil-progress ta’ Malta fir-rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament u fix-xogħol, iżda enfasizza li għad hemm sfidi li jridu jingħelbu sabiex kull mara u tifla jkollha l-istess opportunitajiet.
Bħala parti mill-impenji tiegħu, Borg ingħaqad ukoll ma’ mexxejja oħra biex jiffirma, f’isem Malta, dikjarazzjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema tal-għajnuna umanitarja f’żoni ta’ konflitti. Din l-inizjattiva, imniedija mill-Awstralja flimkien mal-UNOCHA u msieħba oħra, tfakkar fil-ħaddiema li tilfu ħajjithom u ssejjaħ għal aktar miżuri ta’ protezzjoni.
Id-Deputat Prim Ministru attenda wkoll il-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE, fejn saħaq fuq il-ħtieġa ta’ solidarjetà Ewropea u ta’ vuċi komuni biex jindirizzaw il-kriżijiet globali.
L-impenji ta’ Malta jkomplu juru r-rwol proattiv tagħha fit-tfassil ta’ politika internazzjonali, kemm fi ħdan l-UE u l-Commonwealth kif ukoll fin-Nazzjonijiet Magħquda, dejjem b’għan li jiġu promossi l-paċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni multilaterali.
- Deputat Prim Ministru Dr Ian Borg
Ritratti: MFT











