Fit-8 ta’ Novembru tal-2023, Malta tilfet waħda mill-aktar figuri ikonċi tal-Karnival, hekk kif miet Pawlu Curmi, magħruf aħjar bħala il-Pampalun, fl-età ta’ 92 sena. Għal ħafna snin kien meqjus bħala r-“Re tal-Karnival”, b’mod partikolari fil-Belt Valletta fejn kien sinonimu mal-festa, il-kulur u l-ferħ ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Curmi kien preżenza familjari fil-Karnival Malti, dejjem imżejjen bl-aktar kuluri vivaċi u b’tbissima wiesgħa li kienet tixhed l-imħabba tiegħu għal din it-tradizzjoni. Il-passjoni tiegħu għall-Karnival ħalliet marka kbira fuq il-kultura popolari Maltija. Fl-2021, il-poster uffiċjali tal-Karnival ta’ Malta kien iddedikat lilu, u fl-istess sena nħoloq ukoll karru speċjali b’ġieħu bħala ġest ta’ rikonoxximent għall-kontribut tiegħu.
Pawlu Curmi twieled fit-12 ta’ Diċembru 1930 u kien l-iżgħar minn disa’ subien. Żżewweġ lil Doris Zarb, li magħha kellu żewġt itfal, John u Carmen. Il-familja kienet dejjem sors ta’ appoġġ għalih tul il-ħajja tiegħu, anke matul is-snin twal ta’ involviment attiv fil-Karnival.
L-ewwel parteċipazzjoni tiegħu fil-Karnival Malti kienet fl-1950. Minn hemm ’il quddiem, Curmi baqa’ jkabbar l-impenn tiegħu u eventwalment waqqaf il-kumpanija tiegħu stess, illum magħrufa bħala “Paul Curmi & Christopher Caruana Carnival Dance Company”, li kompliet issaħħaħ il-wirt artistiku tiegħu fil-qasam taż-żfin u l-spettaklu tal-Karnival.
Minbarra l-Karnival, Curmi kien involut ukoll f’oqsma oħra tal-ħajja sportiva Maltija, fosthom il-football u r-regatti, fejn ukoll wera l-entużjażmu u d-dedikazzjoni li kienu jikkaratterizzawh.
Il-mewt ta’ Pawlu Curmi “il-Pampalun” tħalli vojt kbir fil-Karnival Malti. Iżda l-memorja tiegħu, il-kulur, l-enerġija u l-passjoni li wassal lill-ġenerazzjonijiet jibqgħu parti mill-istorja u mill-identità kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Kunsill Lokali tal-belt Valletta, onorah permezz ta’ bust sabiħ fi Ġnien il-Mandraġġ. Insellmu l-memorja tiegħu.
Ritratt prinċipali: Mark Spiteri Lucas/ FB








