Waqt il-laqgħa annwali mal-Ambaxxaturi ta’ Malta barra minn xtutna, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza ta’ dan l-appuntament biex tiġi mfassla u evalwata l-aġenda diplomatika tal-pajjiż għas-sena li ġejja.
Huwa spjega li s-sena li għaddiet għalqet fażi sinifikanti għall-politika barranija ta’ Malta, peress li kienet immarkata minn impenji ta’ livell għoli fi ħdan fora internazzjonali importanti bħan-Nazzjonijiet Magħquda, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u l-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Prim Ministru sostna li din is-sena għandha tkun waħda ta’ riflessjoni u tisħiħ tas-servizz barrani, sabiex dan ikompli jservi l-interess nazzjonali b’mod effettiv. F’dan l-ispirtu ntgħażlet it-tema “Niżguraw l-Iskop Tagħna”, li tirrifletti l-ħtieġa ta’ direzzjoni ċara u konsistenti fil-ħidma diplomatika.
Dr Abela rrefera wkoll għall-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn il-futur fit-tul tal-pajjiż. Huwa qal li l-Ambaxxaturi, flimkien mal-Konsli Onorarji li ngħaqdu għal din il-laqgħa, għandhom rwol ewlieni biex iwasslu messaġġ ċar: Malta hija pajjiż miftuħ għad-dinja, mibni fuq ix-xogħol u lest jaħtaf opportunitajiet ġodda f’setturi ta’ valur.
Skont il-Prim Ministru, il-ħidma diplomatika barra minn Malta hija marbuta direttament mal-prijoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari dawk relatati mal-kummerċ u t-turiżmu. Huwa ddeskriva lill-Ambaxxaturi bħala l-“pont” li jgħaqqad lil Malta mad-dinja.
Dwar ix-xenarju internazzjonali, il-Prim Ministru wissa li d-dinja qed tgħaddi minn perjodu ta’ sfidi u inċertezzi, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa ta’ riformi fi ħdan l-istituzzjonijiet multilaterali biex jiġu mħarsa aħjar l-interessi ta’ pajjiżi żgħar. Huwa qal li Malta ma tistax tinjora dawn ir-realtajiet, iżda trid tibqa’ tagħti sehemha biex ittejjeb iċ-ċirkostanzi kemm fl-interess tagħha kif ukoll favur il-ġid komuni.
F’dan il-kuntest semma diversi inizjattivi li fihom Malta kellha rwol attiv, fosthom ir-rikonoxximent tal-Istat tal-Palestina biex tinżamm ħajja t-tama għal soluzzjoni ta’ żewġ stati, il-kontribut biex l-OSCE tibqa’ tiffunzjona b’mod effettiv, kif ukoll il-ħidma mwettqa waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex jitwaqqaf Tribunal Speċjali dwar ir-reat ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.
Il-Prim Ministru enfasizza wkoll l-importanza tal-Mediterran bħala r-reġjun naturali ta’ Malta. Huwa osserva li storikament dan ir-reġjun spiss kien influwenzat minn interessi barranin, u għalhekk hemm bżonn li l-pajjiżi Mediterranji jkomplu jiżviluppaw soluzzjonijiet maħsuba minn u għall-Mediterran stess.
Barra minn hekk, semma l-kontribut ta’ Malta f’oqsma bħat-tibdil fil-klima u s-sigurtà marittima, fejn il-pajjiż qed ikompli jsaħħaħ il-preżenza u l-vuċi tiegħu fuq livell internazzjonali.
Fi tmiem il-laqgħa, Dr Abela rringrazzja lis-Servizz Diplomatiku kollu għax-xogħol u d-dedikazzjoni tiegħu fl-avvanz kontinwu tal-pajjiż.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-ambaxxaturi għall-impenn tagħhom, b’mod partikolari matul il-perjodu li fih Malta serviet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, waqt iċ-Chairpersonship tal-OSCE fl-2024 u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2025.
Dr Borg qal li fi żminijiet ta’ bidla ġeopolitika mgħaġġla, Malta trid tibni fuq il-kisbiet miksuba fil-qasam multilaterali, filwaqt li tadatta b’għaqal sabiex tibqa’ rilevanti u effettiva fl-indirizzar tal-isfidi komuni, mingħajr ma titlef il-prinċipji u l-identità tagħha.
Ritratti: OPM–DOI










