Fl-2026, in-Naxxarin qed jiċċelebraw għeluq it-300 sena mill-wasla tal-vara ta’ Marija Bambina , anniversarju storiku li jfakkar tliet sekli ta’ impenn lejn il-festa titulari ta’ Marija Bambina, il-ħajja kulturali tar-raħal u l-identità Naxxarija. F’dan il-kuntest, qed jiġu organizzati żewġ attivitajiet ta’ livell għoli li jgħaqqdu flimkien il-fidi, il-mużika, il-letteratura u l-wirt artistiku marbut mal-vara titulari tan-Naxxar.
L-ewwel attività, “Fi Xbihtek Marija”, hija lejla mużiko-letterarja li se ssir fil-Knisja Kolleġġjata tan-Naxxar nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju 2026 fis-7.15pm taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons. Joseph Galea Curmi, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali. Din il-lejla se tkun opportunità unika biex il-pubbliku jgawdi riflessjonijiet spiritwali u letterarji ispirati mill-figura ta’ Marija Bambina, akkumpanjati minn esekuzzjonijiet mużikali mill-Kor Jubilate Deo taħt id-direzzjoni tas-Surmast Christopher Muscat, flimkien ma’ mużiċisti mis-Soċjetà Mużikali Peace u mill-Banda Vittorja.
Matul is-serata se jsir ukoll it-tnedija tal-ktieb “Il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina tan-Naxxar fi Żmien il-Festa”, pubblikazzjoni b’riċerka u ħsieb minn Clifford Galea u ritratti minn Mark Micallef Perconte, li qed toħroġ bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tat-300 sena u li se tkompli tiddokumenta l-ġmiel artistiku, reliġjuż u storiku marbut mal-festa tant għażiża għan-Naxxarin.
Attività oħra importanti hija l-wirja “300 Sena fil-Qlub Naxxarin”, li se tiftaħ il-bibien tagħha fil-Mużew Parrokkjali tan-Naxxar mill-Ħadd 19 ta’ Lulju 2026. Din il-wirja se tlaqqa’ flimkien kollezzjoni ta’ artifatti relatati mal-vara u mal-festa ta’ Marija Bambina, b’enfasi speċjali fuq il-mixja storika tal-vara titulari matul dawn it-tliet sekli.
Il-pubbliku se jkun jista’ jżur il-wirja mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-6.00pm u s-7.30pm, filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa tkun miftuħa wkoll filgħodu bejn l-10.00am u nofsinhar, kif ukoll filgħaxija bejn is-6.00pm u s-7.30pm. Il-wirja qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn il-Parroċċa tan-Naxxar u l-Għaqda Kulturali Wirt Naxxari.
Dawn iż-żewġ inizjattivi juru kif il-festa ta’ Marija Bambina mhijiex biss ċelebrazzjoni reliġjuża, iżda wkoll ġrajja kulturali li tgħaqqad ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Naxxarin madwar il-valuri tal-komunità, il-wirt storiku u l-espressjoni artistika. Huma wkoll xhieda tal-ħidma kontinwa tal-Club Naxxarin biex iżomm ħaj dak il-legat li ilu jinbena sa mill-1726.
Filwaqt li l-anniversarju tat-300 sena huwa okkażjoni ta’ tifkira u ringrazzjament, huwa wkoll mument ta’ ħarsa lejn il-futur, sabiex il-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikomplu jħaddnu u jsaħħu dan il-patrimonju kulturali u spiritwali li jagħmel lin-Naxxar wieħed mill-irħula l-aktar sinjuri fit-tradizzjonijiet festivi ta’ Malta.








