Matul ix-xhur tas-sajf u tal-bidu tal-ħarifa, il-pubbliku qed jingħata opportunità unika biex jesperjenza l-wirt mużikali Malti f’ambjent tassew speċjali permezz tal-produzzjoni “Folk Underground – Echoes of Maltese Songs Beneath the City”.
Din l-esperjenza kulturali qed tittella’ kull nhar ta’ Erbgħa bejn l-1 ta’ Lulju u t-28 ta’ Ottubru fil-vault storiku taħt il-Knisja ta’ San Duminku fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. L-ispazju intimu u storiku joħloq atmosfera partikulari li tgħaqqad il-mużika tradizzjonali Maltija mal-istorja u l-identità tal-pajjiż.
“Folk Underground” jippreżenta għanjiet u melodiji Maltin li ilhom jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, b’interpretazzjonijiet artistiċi li jagħtu ħajja ġdida lil dawn il-kapulavuri tal-kultura popolari. Il-produzzjoni tistieden lill-udjenzi jiskopru jew jerġgħu japprezzaw il-ġmiel tal-folklor Malti permezz ta’ prestazzjonijiet mużikali mill-aqwa f’ambjent li jsaħħaħ l-esperjenza kulturali.
L-inizjattiva tkompli turi kif il-wirt kulturali Malti jista’ jiġi ppreżentat b’mod innovattiv u aċċessibbli kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti li jkunu qed iżuru l-gżejjer Maltin. Permezz tal-għaqda bejn il-mużika, il-post storiku u l-istejjer li jinsabu fil-kanzunetti tradizzjonali, “Folk Underground” qed joffri esperjenza awtentika li tagħti vuċi lill-memorja kollettiva tal-poplu Malti.
L-ispettakli jsiru f’żewġ sessjonijiet, fis-7:00pm u fit-8:15pm, u jwiegħdu serata mimlija emozzjoni, tradizzjoni u apprezzament għall-identità kulturali Maltija.
Ritratt: Folk Underground – Echoes of Maltese Songs Beneath the City.








