Qatra friska ta’ dulliegħa f’nofs sajf Malti hija aktar minn sempliċi frotta. Hija parti minn storja twila li tgħaqqad il-Mediterran, il-biedja, il-lingwa u anke l-kultura tal-popli li għexu madwar dan il-baħar għal eluf ta’ snin.
Bejn is-sekli għaxar u tlettax, l-Għarab Mori kienu strumentali biex ixerrdu d-dulliegħa madwar il-Mediterran kollu. Fejn waslu, minn Spanja sa Sqallija u Malta, ma ġabux magħhom biss prodotti ġodda iżda wkoll għarfien agrikolu avvanzat. F’Malta introduċew metodi li bidlu l-mod kif kienet issir il-biedja, fosthom is-sienja biex jitla’ l-ilma mill-bjar, kif ukoll il-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ li għenu biex tinżamm il-ħamrija u jiżdied l-art agrikola disponibbli.
Bis-saħħa ta’ dawn il-metodi, il-bdiewa Maltin setgħu jkabbru frott u ħxejjex ta’ kwalità anke f’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli. Fost dawn kien hemm id-dulliegħ, flimkien mat-tin, il-ħawħ, il-ħarrub u l-larinġ.
Interessanti li l-kelma “dulliegħa” stess hija xhieda tal-influwenza Għarbija li għadha tgħix fil-lingwa Maltija. Studji lingwistiċi, fosthom dawk ta’ Mikiel Anton Vassalli, juru li l-kelma għandha għeruq fl-Għarbi tal-Magreb. Jingħad li hija marbuta ma’ kliem li jfakkar fil-kulur aħmar qawwi tal-frotta meta tinqasam, filwaqt li tifsiriet oħra jorbtuha mal-pjaċir u l-gost li tagħti lil min jiekolha.
Fil-fatt, il-kelma Maltija hija eqreb lejn dik użata fil-Libja u fit-Tuneżija milli lejn il-kelma li jużaw ħafna pajjiżi Għarab tal-Lvant, fejn id-dulliegħa hija magħrufa bħala “baṭṭīkh”, kelma li fil-Malti baqgħet marbuta mal-bettieħ.
L-istorja tad-dulliegħa tmur lura ferm aktar minn żmien il-Medjuevu. L-oriġini tagħha tinsab fl-Afrika tal-Grigal, fiż-żoni li llum jiffurmaw is-Sudan u l-Eġittu, fejn kienet diġà qed titkabbar madwar 4,000 sena ilu. Minħabba l-kontenut għoli ta’ ilma tagħha, kienet ideali għall-vjaġġaturi u n-negozjanti li kienu jaqsmu reġjuni sħan u niexfa.
Fil-qedem kienet apprezzata mhux biss bħala ikel iżda wkoll għal skopijiet mediċinali. Tobba magħrufa tal-antikità bħall-Ippokrate u Dioskoride kienu jirrakkomandawha għal ċerti kundizzjonijiet tas-saħħa, partikolarment dawk relatati mal-kliewi u mal-effetti tas-sħana qawwija.
F’Malta, id-dulliegħa ilha magħrufa għal sekli sħaħ. Dokumenti storiċi juru li kienet titkabbar b’mod regolari fl-għelieqi Maltin u kienet tispiċċa kemm fuq il-mejda tal-poplu kif ukoll fuq dik tal-Kavallieri. Dawn tal-aħħar saħansitra kienu jagħmlu granita bid-dulliegħ bl-użu tas-silġ li kien jinġieb minn fuq l-Etna fi Sqallija.
Matul is-sekli, il-frotta li nafu llum għaddiet minn ħafna bidliet. Pitturi tas-seklu sbatax juru li d-dulliegħa kienet differenti minn dik moderna, b’aktar żerriegħa u qalba inqas ħamra. Permezz tal-għażla kontinwa taż-żrieragħ u tekniki agrikoli mtejba, il-bdiewa rnexxielhom joħolqu l-frott li llum naraw fuq l-imwejjed tagħna.
Għalhekk, meta nieklu felta dulliegħa f’jum sħun tas-sajf, inkunu qed induqu mhux biss frotta ħelwa u friska, iżda wkoll biċċa storja li għaddiet minn ċiviltajiet, imperi u ġenerazzjonijiet sħaħ qabel waslet għandna.
Minn Evarist Bartolo








