Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed isaħħaħ il-ħidma tiegħu biex jindirizza l-isfida tal-erożjoni kostali permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-proġett internazzjonali Sandland. Dan il-proġett huwa ffukat fuq il-fenomenu naturali tal-erożjoni tal-kosta, li jikkawża telf gradwali ta’ bajjiet u partijiet tax-xatt minħabba fatturi bħall-mewġ, il-maltemp, ir-riħ u ż-żieda fil-livell tal-baħar.
L-inizjattiva għandha l-għan li tidentifika u timplimenta miżuri effettivi li jnaqqsu r-riskji marbuta ma’ dan il-fenomenu, filwaqt li jiġu protetti kemm il-komunitajiet kif ukoll l-ambjent kostali. Id-dettalji tal-proġett ġew diskussi waqt is-Sandland Stakeholders’ Meeting li sar f’Malta, fejn ġew ippreżentati l-progress u l-għanijiet tal-proġett, flimkien mal-importanza ta’ approċċi sostenibbli għall-protezzjoni tal-kosta.
Waqt il-laqgħa, il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli sostniet li l-proġett huwa parti mill-isforzi usa’ tal-Gvern biex isaħħaħ ir-reżiljenza tal-kosti Maltin quddiem l-effetti tat-tibdil fil-klima. Hija spjegat li permezz ta’ investiment f’riċerka u metodi xjentifiċi, il-pajjiż jista’ jtejjeb il-ġestjoni tal-ambjent kostali u jnaqqas l-impatt fuq l-infrastruttura u l-komunitajiet.
Min-naħa tiegħu, Daniel Fenech mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi spjega kif il-metodi tradizzjonali, bħall-bini ta’ breakwaters, mhux dejjem taw ir-riżultati mixtieqa fit-tul u f’ċerti każijiet wasslu għal aktar telf ta’ sediment. Għalhekk, il-proġett Sandland qed jiffoka fuq soluzzjonijiet aktar naturali u sostenibbli.
Fost il-miżuri li qed jiġu studjati hemm l-identifikazzjoni ta’ depożiti ta’ ramel taħt il-baħar sabiex jiġi evalwat jekk dawn jistgħux jintużaw biex jiġu rifornuti l-bajjiet permezz tal-proċess magħruf bħala beach nourishment. Dan il-metodu għandu l-għan li jgħin fir-restawr u l-preservazzjoni tal-bajjiet b’mod responsabbli u favur l-ambjent.
Sandland huwa proġett ta’ kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet akkademiċi u entitajiet pubbliċi minn Malta u Sqallija. Il-proġett huwa mmexxi mill-Università ta’ Catania u jinvolvi wkoll lill-Università ta’ Malta, l-Università ta’ Messina u l-Università ta’ Palermo. Parti importanti mill-inizjattiva hija wkoll il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, fosthom entitajiet governattivi, għaqdiet ambjentali u komunitajiet lokali, sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jkunu effettivi u sostenibbli fit-tul.










