Propju l-Ħadd li għadda, 30 ta’ Novembru 2025, ħarġet it-tieni pubblikazzjoni ta’ Matthew Tonna Gilford. Din id-darba indirizzata lejn udjenza minuri. Il-ħsieb għall-ħolqien tagħha beda aktar kmieni din is-sena waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Festa, meta ġie propost li tingħata tifkira speċjali f’forma ta’ pubblikazzjoni li tiġbor fiha informazzjoni relatata mal-Festa u mal-Kunċizzjoni.
Meta ġie fdat b’dan il-proġett, Matthew beda jaħseb kif jista’ joħloq storja li tkun edukattiva, sabiħa u faċli biex tintlaqa’ mit-tfal. Hekk inħolqot l-idea ta’ żewġt itfal li, lejlet il-Festa, iduru man-nannu waqt li n-nanna tħalliha tipprepara l-ikla tal-Festa. Permezz ta’ din l-istorja, huwa ried joħloq rabta bejn il-festa tradizzjonali, il-familja u l-għarfien kulturali li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. Ma’ dan, inkluda wkoll adattament tal-pitturi li jintramaw fi Pjazza 25 ta’ Ġunju 1905, sabiex iż-żgħar ikunu jistgħu japprezzaw l-arti marbuta mal-festa b’mod aktar qrib.
Minn hawn, huwa jesprimi r-ringrazzjament tiegħu lill-Onor. Julia Farrugia, Ministru tal-Volontarjat u l-Inklużjoni, li wara li kellimha fil-qasir f’Ottubru għan-nom tal-Kumitat taċ-Ċentru 19 ta’ Novembru 1944, allokat fondi għal din il-pubblikazzjoni. Il-kontribut tagħha għen sabiex din l-inizjattiva tieħu l-forma u tasal għand il-komunità u t-tfal.
Din il-pubblikazzjoni tirrappreżenta mhux biss tifkira tal-Festa iżda wkoll investiment fil-kultura, it-tradizzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal—valuri li se jkomplu jitmexxew ’il quddiem għal ħafna snin oħra.










